Home ​Kemm se jdum Kap Adrian Delia?

    ​Kemm se jdum Kap Adrian Delia?

    6 minuti qari

    Ikolli  nistqarr  li  bqajt  sorpriż  bin-nuqqas  ta’  lealta`  ta’  ċerti  nies  fi  ħdan  il-Partit  Nazzjonalista  lejn  il-Kap  tal-Partit,  Dr  Adrian  Delia.  Dan  għaliex  jidher  ċar  daqs  il-kristall  li  l-Partit  Nazzjonalista  bħalissa  huwa  maqsum  f’żewġ  fazzjonijiet,  jiġifieri  dawk  li  jappoġġjaw  totalment  lil  Dr  Delia  u  oħrajn  li  qed  jistennew  ħerqana  biex  tasal  il-ġurnata  li  jispiċċa  minn  Kap  tal-Partit.  Kuntrarju  għal  kif  tipprova  tpinġiha  l-midja  Nazzjonalista,  din  mhix  kwistjoni  ta’  nies  b’ideat  diversi  u  differenti  fl-istess  partit  politiku.
    Hawnhekk  qed  naraw  mexxej  politiku  elett  bl-iktar  mod  demokratiku  possibbli,  jiġifieri  bl-inklużjoni  anke  tat-tesserati  fil-proċess  tal-votazzjoni,  li  madankollu  qed  jiġi  mċaħħad  mil-lealta`  li  wieħed  jistenna  meta  jiġi  elett  demokratikament  biex  imexxi  partit  politiku.  Għandek  numru  ta’  nies  li  telqu  mill-Partit  Nazzjonalista  għax  urew  biċ-ċar  li  mhumiex  lesti  jservu  taħt  Adrian  Delia  u  għandek  oħrajn  li  baqgħu  fil-Partit  imma  li  bl-aġir  tagħhom  qed  juru  biċ-ċar  li  mhumiex  kuntenti  bil-Kap  tagħhom.
    Xi  wħud  jiddefendu  lil  dawn  id-dissidenti  billi  jġibu  l-argument  li  Dr  Delia  ġħandu  passat  dubbjuż,  li  ġab  miegħu  dak  li  bl-Ingliż  ngħidulu  “a  negative  political  baggage”.  Dawn  in-nies  jargumentaw  li  għalhekk,  Dr  Delia  qatt  ma  jmissu  tħalla  jikkontesta  għal  Kap  tal-Partit  Nazzjonalista.  Min-naħa  l-oħra,  dan  l-argument  huwa  problematiku  ħafna  għax  allura  wieħed  jasal  jistaqsi  kemm  hu  serju  l-Partit  Nazzjonalista  meta  jgħarbel  lill-kandidati  li  jippreżentaw  in-nomina  tagħhom  għal  xi  kariga  fi  ħdan  il-Partit.  Għandek  ukoll  il-kwistjoni  tar-rispett  lejn  l-għażla  demokratika  tat-tesserati  tal-Partit.
    Is-sitwazzjoni  fi  ħdan  il-Partit  Nazzjonalista  hija,  għalhekk,  waħda  ta’  taħwid  kbir.  Ħafna  diġa`  qed  jgħidu  li  jekk  is-sena  d-dieħla  l-Partit  Nazzjonalista  jaqla’  xi  telfa  kbira  fl-elezzjonijiet  tal-kunsilli  lokali  u  tal-Parlament  Ewropew,  hija  kważi  ħaġa  ċerta  li  Dr  Adrian  Delia  jitneħħa  minn  Kap  tal-Partit  Nazzjonalista.  Li  hu  żgur  hu  li  jekk  jiġri  hekk,  il-Partit  Nazzjonalista  jkun  qed  iħaffer  il-qabar  politiku  tiegħu  stess  għax  ikun  hemm  iċ-ċans  li  jispiċċa  forza  politika  bla  saħħa.
    Kulħadd  huwa  konxju  mill-fatt  li  mhux  fl-interess  nazzjonali  li  jkollok  Oppożizzjoni  li  tant  tkun  dgħajfa  li  prattikament  ikollok  Stat  immexxi  minn  partit  politiku  wieħed  biss.  Madankollu,  ir-realta`  hi  dik  li  hi  u  kollox  jindika  li  huwa  possibbli  ħafna  li  jiġri  hekk.  Dan  l-aktar  għaliex  anke  dwar  strateġija  politika  hemm  nuqqas  ta’  qbil  fi  ħdan  il-Partit  Nazzjonalista.  Għandek  il-fazzjoni  l-ġdida  li  tixtieq  taħdem  aktar  mill-qrib  mal-Gvern  Laburista  fl-interess  nazzjonali  u  għandek  il-fazzjoni  l-qadima  li  trid  tkompli  bl-istrateġija  li  tipprova  timmina  lill-Gvern  f’kull  okkażjoni  li  tiġiha.  Dan  kollu  jfisser  li  Dr  Adrian  Delia  qiegħed  jispiċċa  jiżfen  fin-nofs,  jipprova  jikkuntenta  żewġ  fazzjonijiet  b’ideat  totalment  opposti. 
    Ħadd  minna  ma  jieħu  gost  b’sitwazzjoni  bħal  din,  lanqas  aħna  li  naħdmu  f’partit  politiku  li  hu  l-avversarju  prinċipali  tal-Partit  Nazzjonalista.  Dan  għaliex  mhux  tajjeb  għall-pajjiż  li  jkollok  partit  politiku  fil-gvern  li  jkollu  wisq  poter.  Għalhekk,  nawgura  li  l-Partit  Nazzjonalista  joħroġ  mill-isqaq  li  jidher  li  daħal  fih.  Barra  minn  hekk,  nuqqas  ta’  lealta`  lejn  il-kap  ta’  partit  mhix  ħaġa  sabiħa  u  hija  ta’  eżempju  ħażin  ħafna  għal  dawk  iż-żgħażagħ  li  jixtiequ  jidħlu  fid-dinja  politika.
    Ħafna  qed  jistaqsu:  “Dr  Adrian  Delia  għandu  ħajja  qasira  bħala  Kap  tal-Partit  Nazzjonalista  jew  jirkupra  u  jsaħħaħ  il-pożizzjoni  tiegħu?”  –  Nistennew  u  naraw.