Home ​Il-pensjoni Parlamentari: il-kwistjoni għadha mhix magħluqa

    ​Il-pensjoni Parlamentari: il-kwistjoni għadha mhix magħluqa

    2 minuti qari

    Matul din il-ġimgħa inxtegħel dawl fuq il-privileġġ li jgawdu l-Parlamentari tagħna meta jiġu biex jirtiraw mix-xogħol.
    Id-diskussjoni qamet għax il-Gvern ried jestendi l-privileġġi eżistenti għal dawk li jkunu eletti fil-Kamra darba biss u għal persuni oħra bħall-Membri tal-Parlament Ewropew, is-Segretarji Permanenti, l-Ispeaker u oħrajn.
    L-Oppożizzjoni għall-ewwel qablet, imbagħad irtirat l-appoġġ tagħha. Din il-mossa wasslet biex il-Gvern jirtira l-proposta minnufih.
    Jidher li dan l-iżvilupp intlaqa’ tajjeb ħafna mill-poplu u l-politiċi ġustament ftaħru li għamlu dan il-pass għax ‘semgħu lin-nies’. Iżda l-argumenti li kkonvinċew lill-Oppożizzjoni u konsegwentement lill-Gvern jirtiraw mill-pożizzjoni li ħadu oriġinarjament, ma kinux relatati mal-proposta li dawn il-privileġġi jkunu estiżi.
    Jekk iddur dawra ma’ dak li nkiteb u ntqal minn opinjonisti u mill-poplu fuq il-mezzi soċjali, issib li l-oġġezzjoni ewlenija hija dwar l-eżistenza tal-privileġġ innifsu.
    In-nies għandhom raġun. M’hemm ebda loġika li biha tista’ tispjega għaliex meta niġu għall-pensjoni, il-Parlamentari jkunu privileġġati fuq il-bqija tal-poplu. Din kienet l-għajta tan-nies f’dawn il-ġranet u din l-għajta għadha ma nstemgħetx. Għalhekk, il-kwistjoni għadha miftuħa beraħ.
    Jekk il-Parlamentari jħossu li huma mħallsin ftit għall-kontribut li qed jagħtu lill-pajjiż, is-soluzzjoni m’għandhomx jeħduha meta jirtiraw billi jkollhom drittijiet tal-pensjoni ferm aħjar minn tal-bqija. Is-soluzzjoni għandha tingħatalhom waqt li għaddejjin bil-ħidma tagħhom, billi l-ħlas li jirċievu jkun jixraq tassew għall-ħidma li qed jagħmlu.
    Id-drittijiet tal-pensjoni għandhom ikunu l-istess għal kulħadd. Din hija l-għajta tal-poplu li l-Parlamentari tagħna semgħu u li fuqha għandhom jaġixxu.
    Norman Vella huwa kandidat tal-PN għall-Parlament Ewropew u għall-elezzjoni ġenerali