Home Riżenji u sejħiet għal elezzjoni bikrija fl-Islovakkja

    Riżenji u sejħiet għal elezzjoni bikrija fl-Islovakkja

    4 minuti qari

    Ftit tal-jiem ilu l-organizzazzjoni non-governattiva Transparency International ħarġet tabella, bħalma tagħmel kull sena, dwar kemm in-nies jaħsbu li l-pajjiżi madwar id-dinja għandhom korruzzjoni fi ħdanhom. Fi ftit kliem ħarġet tabella dwar il-perċezzjoni dwar il-korruzzjoni. 
    Malta ma tikklassifikax f’xi pożizzjoni għolja però hemm xi ftit pajjiżi Ewropej iktar l-isfel minn Malta. L-Islovakkja hija waħda minnhom, jiġifieri hija meqjusa li għandha xi ftit iktar korruzzjoni minn Malta. M’humiex affarijiet sbieħ dawn u naturalment aħna nixtiequ li kemm Malta u kemm is-Slovakkja jinsabu fost il-pajjiżi tat-tramuntana tal-Ewropa fejn huma meqjusin nodfa ħafna. Din hija tip ta’ tabella li tiġi meqjusa mill-investitur barrani li jkun irid jiġi jinvesti f’Malta jew fis-Slovakkja.
    Bħalma ġara f’Malta, sfortunatament, fl-Islovakkja inqatel ġurnalist investigattiv, ftit tal-jiem ilu. Ħafna jaħsbu li Ján Kuciak ġie maqtul minħabba l-istejjer investigattivi tiegħu fuq mafjużi Taljani li jgħixu fl-Islovakkja u li huma b’xi mod jew ieħor assoċċjati ma' uffiċċjali għolja tal-gvern Slovak. 
    Ján Kuciak nqatel f’daru f’ Veľká Mača flimkien mal-maħbuba tiegħu Martina Kušnírová. Huma nstabu mejta fil-25 ta’ Frar. Il-Pulizija stqarret mal-ewwel li l-qtil tagħhom kien marbut mal-ħidma investigattiva tal-ġurnalist.  
    Il-mewt tagħhom, flimkien mal-pubblikazzjoni tal-aħħar artiklu ta’ Kuciak fuq il-media Slovakka fit-28 ta’ Frar, ta bidu għall-moviment ta’ protesti li wassal għall-eluf ta’ Slovakki jipprotestaw fit-toroq. Fl-aħħar storja tiegħu, li kien għadu qed jaħdem fuqha, Kuciak iddeskriva r-rabtiet bejn il-Mafja Taljana, u l-Indrangeta, u nies viċin tal-gvern Slovakk.
    Huwa mifhum li l-ammont ta’ nies li ingħaqdu fil-protesta fid-9 ta’ Marzu jeċċedi l-folla li niżlet fit-triq f’Novembru tal-1989, meta r-Reġim Kommunist ikkollassa f’dik li kienet iċ-Ċekoslovakkja. In-nies fil-protesti talbu biex il-Prim Ministru Fico u l-gvern tiegħu jirriżenjaw u b’hekk tissejjaħ elezzjoni bikrija.
    Minn dakhinar irriżenjaw dawn iż-żewġ uffiċċjali gholja kif ukoll il-Ministru tal-Intern. 
    Il-President Andrej Kiska sejjaħ għal elezzjoni bikrija, sejħa li għanda l-appoġġ tal-kap tal-partit poltiku Most-Híd li jifforma parti mill-koalizzjoni tal-gvern Slovakk. 
    Illum il-gvern Slovakk jagħlaq sentejn minn l-aħħar elezzjoni l-hawn u huwa magħmul mis-Soċjalisti tal-Prim Ministru Robert Fico (Smer), kif ukoll minn partit tal-estrem lemin (SNS) u mill-partit tal-minoranza Ungeriża fl-Islovakkja Most-Hid li jifforma parti mill-Partit Popolari Ewropew. 
     Sejħa għall-elezzjonijiet bikrija
    Il-partit politiku Most-Híd stqarr li se jitlaq mill-gvern jekk ifalli fit-tentattivi li jintlaħaq qbil maż-żewġ partners l-oħra fil-koalizzjoni, l-iSmer u l-Partit Nazzjonali Slovak (SNS), rigward elezzjonijiet bikrija.
    Iċ-Ċermen ta’ Most-Híd, Béla Bugár ħabbar din id-deċiżjoni wara sessjoni ta’ tmien sigħat fil-Kunsill Repubblikan tal-partit, li huwa l-qafas intern li jieħu d-deċiżjonijiet fil-partit Most-Híd.
    “Jekk id-diskussjonijiet dwar elezzjonijiet bikrija jfallu, Most-Híd se jkun qed joħroġ mill-koalizzjoni tat-tmexxija,” sostna Bugár.
    Meta mistoqsi jekk hemmx il-ħsieb li f’każ ta’ elezzjonijiet bikrija dawn iseħħu fil-ħarifa flimkien mal-elezzjonijiet muniċipali, hekk kif issuġġerit mill-President Andrej Kiska, Bugár qal li ‘għandhom isiru ħafna iktar qabel minn hekk’.
    X’ġara fMalta?
    Minkejja li f’Malta wkoll ġiet maqtula ġrunalista investigattiva, u minkejja li s'issa għadu ma nstabx il-mandant, s’issa għadu ħadd ma refa’ r-responsabilita’. X’differenza mil-Islovakkja!
    Id-deputat David Stellini huwa l-kelliem tal-Oppożizzjoni fuq l-Unjoni Ewropea u huwa l-President tal-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista.