Home L-għajn tal-ħasselin (tal-flus)

    L-għajn tal-ħasselin (tal-flus)

    4 minuti qari

    Jgħidu x’jgħidu Joseph Muscat u l-akkolti tiegħu, ir-ritratti u l-filmati tal-partitarji Laburisti jiċċelebraw ir-rebħa elettorali ta’ Ġunju li għadda quddiem il-Bank Pilatus ma jista’ jħassarhom ħadd.
    Dawk il-partitarji ma marrux hemmhekk b’kumbinazzjoni. Marru għax qiesu lill-Bank Pilatus bħala parti mir-rebħa kbira li kienu qed jiċċelebraw. Ġustament dawn il-Laburisti identifikaw lill-Pilatus bħala entità li hija ħaġa waħda mat-tmexxija tal-partit u tal-Gvern li huma jappoġġaw.
    Marru hemm anke għax kienu semgħu kemm-il kelliem tal-Oppożizzjoni jgħidilhom x’kien tassew dan il-Bank u kif kien qed jintuża min-nies fil-poter. Bit-tixjir tal-bnadar Laburisti quddiem il-Pilatus, dawn il-partitarji kienu qed jibagħtu l-messaġġ li bis-saħħa tar-rebħa ta’ Muscat, il-Bank Pilatus seta’ jibqa’ għaddej jagħmel dak li kien qed jagħmel mingħajr ebda xkiel.
    Iżda ġara li ftit tax-xhur wara, propju bħalissa int u taqra dan il-blogg, is-sid tal-Bank Pilatus jinsab arrestat fl-Istati Uniti fejn qed jiffaċċja iktar minn seklu ħabs, bl-akkużi ewlenin ikunu ħasil tal-flus u frodi bankarja. Se tismagħhom jgħidu li l-akkużi fil-konfront tiegħu m’għandhomx x’jaqsmu mal-istejjer li smajna bihom f’pajjiżna. Veru. Iżda issa huwa ċar għal kulħadd x’tip ta’ negozju jispeċjalizza fih dan ir-raġel mill-Iran li jġorr fuqu ruxmata passaporti.
    Il-mistoqsija li ħafna nies wieġbu fis-skiet ta’ darhom kemm ilha li ħarġet din l-aħbar hija: Persuna li kienet lesta tisfida l-liġijiet u s-sanzjonijiet tal-ikbar super-potenza fid-dinja u għal dan tissogra piena ta’ iktar minn seklu maqfula f’ċella, se tiddejjaq jew se jkollha xi skruplu tkun kompliċi ma’ politiċi mill-iżgħar pajjiż fl-Unjoni Ewropea fil-ħasil tal-għemejjel ħżiena tagħhom?
    Ir-risposta ovvja għal din il-mistoqsija tidħol b’mod perfett fil-jigsaw puzzle ta’ evidenza li ilna nisimgħu biha minn meta l-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia bdiet tiżvela l-istejjer tal-kumpaniji sigrieti fil-Panama li s-sidien tagħhom huma l-eqreb nies tal-Prim Ministru Muscat.
    U hawn niġu għal filmat ieħor tal-Pilatus li ħadd ma jista’ jħassar mill-memorja kollettiva: il-filmat tas-sid tal-Bank (l-istess wieħed arrestat fl-Istati Uniti) jaħrab b’bagalja f’nofs ta’ lejl ftit tal-ħin wara li l-istess Daphne Caruana Galizia allegat li t-tielet kumpanija fil-Panama miftuħa ma’ ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi – Egrant – hija tal-mara tal-Prim Ministru – allegazzjoni li kemm il-Prim Ministru u l-mara tiegħu dejjem ċaħdu bil-qawwa kollha.
    Apparti x-xena pjetuża tal-Kummissarju tal-Pulizija jiekol il-fenek, dakinhar kien hemm xena oħra li wieħed m’għandux jinsa. Muscat kien kellem lill-ġurnalisti f’Kastilja u fl-istess waqt li ċaħad bil-qawwa kollha din l-allegazzjoni, għamilhielhom ċara li ma kienx se jordna inkjesta dwar l-allegazzjonijiet ta’ Caruana Galizia. Kellhom jgħaddu s-sigħat – sigħat li matulhom is-sid tal-Bank Pilatus ħarab bil-bagalja u ajruplan privat tar bla passiġġieri lejn l-Ażerbajġan – biex Muscat reġa’ bdielu u ordna li ssir inkjesta.
    X’kien hemm f’dik il-bagalja jaf ma nsiru nafu qatt, iżda diġà nafu ħafna fuq min kien qed iġorrha: raġel li dwaru llum hemm evidenza ċara li serva ta’ għajn għall-ħasselin tal-flus.
    Norman Vella huwa kandidat tal-PN għall-Parlament Ewropew u għall-elezzjoni ġenerali.