Home Pilatus u t-Tieqa tad-Dwejra

    Pilatus u t-Tieqa tad-Dwejra

    3 minuti qari

    Iċ-ċermen tal-bank Pilatus ġie arrestat fl-Amerika però għada xorta waħda marti u jiena nqumu biex nippreparaw it-tfal għall-iskola, xorta waħda rridu neħduhom l-iskola, xorta waħda noħorġu għax-xogħol, xorta waħda ħa nsibu t-traffiku biex naslu għax-xogħol u xorta waħda se nħallsu l-kontijiet fl-aħħar tax-xahar. Biċ-ċermen tal-bank Pilatus arrestat mhux xorta se nkomplu għaddejin b’ħajjitna? X’differenza jagħmel dan l-arrest f’ħajjitna? Il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia inqatlet però ma nbidel xejn f’ħajjitna. Mhux hekk?
    Le mhux hekk! Sena ilu waqgħet it-tieqa ta’ Dwejra. Ħadd ma kien basar li l-wieqfa tat-tieqa ta’ Dwejra kienet qed tittiekel minn taħt. Ma konniex nafu li din it-tieqa waslet fl-aħħar. Għaliex ma konniex nafu? Għax kollox kien qed jittiekel minn qiegħ il-baħar. Ma kienx fid-deher dan it-tnawwir minn taħt wiċċ il-baħar. Però ġurnata minnhom sbaħna filgħodu u qalulna li t-tieqa m’għadhiex magħna.
    Hekk qed jiġrilha r-reputazzjoni ta’ Malta. Qed tittiekel minn taħt mingħajr ma qed nindunaw. Ir-reputazzjoni ta’ Malta ma hi xejn ħlief impjiegi. Tafu kemm iddum biex titlaq minn Malta l-industrija tal-gaming? 24 siegħa! Daqshekk iddum. Ir-reputazzjoni ta’ Malta tfisser l-impjiegi t’eluf ta’ Maltin li b’xi mod jew ieħor għandhom x’jaqsmu mal-kumpaniji barranin li hawn jinvestu f’Malta u dawk li għandhom xi ħajra li jiġu.
    Il-ġarra ġejja u sejra fl-aħħar tinkiser u qed ngħid dan b’qalbi maqsuma għax verament jiddispjaċini nara lill-Prim Ministru u lill-Ministru tal-finanzi Edward Scicluna jkomplu jiddefendu lill-bank Pilatus għad-detriment ta’ dawn l-eluf ta’ Maltin li jiddependu mis-servizzi finanzjarji f’Malta. M’humiex jindunaw li qed jilagħbu man-nar?
    Illum il-ġurnata tmur fejn tmur fl-Ewropa, ix-xufier tat-taxi jistaqsik fuq jekk instabx il-mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, il-Parlament Ewropew jitlob biex il-bank Pilatus jitneħħielu l-liċenzja, il-Kummissjoni Ewropea tgħid li l-perċezzjoni tal-korruzzjoni f’Malta huwa fattur problematiku għan-negozju f’Malta u l-Prim Ministru jibqa’ jiddefendi lill-bank Pilatus, lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi.
    L-Oppożizzjoni ma kellhiex għalfejn tistenna lill-istituzzjonijiet Ewropej jgħidulna dak li ilna nafu. L-Oppożizzjoni ilha tgħid dan snin però hija ħasra li dan il-gvern wassal lil dan il-pajjiż f’punt fejn qiegħed jiġi mżeblaħ minn avvenimenti barranin.
    Issa smajna li ġejja delegazzjoni Amerikana f’Malta biex tiddiskuti dan l-arrest mal-awtoritajiet Maltin. Ma nafx kemm il-delegazzjoni ġiet mill-Parlament Ewropew fuq il-Panama Papers li fir-rapport semmew b’mod speċifiku lill-bank Pilatus. Fejn qatt qabel kienu jiġu d-delegazzjonijiet barranin hawn f’Malta fuq korruzzjoni fl-ogħla livelli?
    Qabel ma jinqabad il-mandant tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, qabel ma jirreżenjaw il-ministru Konrad Mizzu u Keith Schembri u qabel ma tiġi rrevokata l-liċenzja tal-bank Pilatus, ir-reputazzjoni ta’ Malta se tibqa’ mhedda bħalma huma mhedda l-impjiegi t’eluf ta’ Maltin. 
    Meta telqet t-tieqa tad-Dwejra telqet darba għal dejjem. Għalfejn qegħdin nilagħbu man-nar?
    Id-deputat David Stellini huwa l-kelliem tal-Oppożizzjoni fuq l-Unjoni Ewropea u huwa l-President tal-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista.