Home Tliet prijoritajiet

    Tliet prijoritajiet

    3 minuti qari

    Ilqajt l-istedina li saritli minn Newsbook biex ningħaqad ma’ numru ta’ persuni oħra msejħa bloggers biex jiktbu dwar xiex iridu, x’ħin iridu u l-iktar ħaġa importanti, mingħajr limitu ta’ kliem meħtieġ. Aċċettajt għax inħoss li filwaqt li permezz ta’ artikli f`ġurnali oħra ġeneralment inżomm ma’ temi li jmissu mal-portafoll tiegħi (aqra Unjoni Ewropea, fondi Ewropej, Djalogu Socjali), jew suġġetti li nħossni komdu nitkellem dwarhom (aqra Ekonomija, Finanzi, Affarijiet Ewropej), dan il-blog se jtini l-opportunità li mmiss ma’ temi li huma topiċi, ġrajjiet kurrenti, u kontroversji.
    Għandi 38 sena, miżżewweġ u għandi żewġt itfal. Elett bħala Membru Parlamentari fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet u maħtur Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Fondi Ewropej u d-Djalogu Soċjali. Membru fil-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u Ewropej. It-tifla l-kbira, ta’ ħames snin u nofs staqsietni mistoqsija sempliċi iżda li ħallietni naħseb. Qaltli pa, għalfejn tinsab fil-politika? Għalfejn tmur il-Parlament? Ir-risposta cliché tkun għax irrid inservi, għax nemmen li nista’ nagħti kontribut. U l-verità dik hi. Iżda imbagħad nisimgħek tistaqsi d-domanda supplimentari, jiġifieri, qiegħed tagħti kontribut? Qiegħed tibdel ghall-aħjar? Ir-risposta hi iva, u allaħares ma kienx hekk, għax m’hemmx raġuni valida oħra għalfejn għandek tkun fil-politika.
    Għaldaqstant illum se nillimita ruħi għal dak li nħoss li jmexxini fil-ħajja politika tiegħi għax ma nitkellmux wisq dwar dan. Fil-politika wkoll sirna materjalisti, ġirja waħda bla waqfien fejn it-tlellix xi drabi jasal qabel u jieħu post dak li hu iktar importanti. Il-ħidma tiegħi naċċerta li tkun indirizzata lejn tliet prijoritajiet, f`din l-ordni: L-ewwel, li jkollna tkabbir ekonomiku sostenibbli li jilħaq lil kulhadd billi nippremjaw il-bżulija u naċċertaw prosperità b’ġustizzja soċjali. Nemmen ħafna li l-Gvern jillimita ruħu biex itejjeb l-istimolu ekonomiku u finanzjarju, jaċċerta servizzi ta` kwalità li jkollu aċċess għalihom kulħadd filwaqt li joffri l-possibilità li persuna tirnexxi fil-ħajja, hi min hi, ġejja minn fejn ġejja. It-tieni prijorità hi dik li ntejbu l-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin. Iktar milli servizzi, qed nitkellem dwar stil ta’ ħajja u allura l-ambjent li għandna madwarna, il-kwalità tal-arja u n-nifs li nieħdu, work-life balance, drittijiet ċivili, l-użu sostenibbli tax-xjenza li sservi l-bniedem u mhux il-kontra. Nifhem ukoll sigurtà mhux biss fuq il-post tax-xogħol iżda fit-toroq tagħna, sigurta permezz tal-forzi tal-ordni, trasparenza u governanza. Umbagħad hemm it-tielet prijorità, jiġifieri li nagħtu lill-ġenerazzjonijiet li jmiss pajjiż aħjar milli sibnieh. Cliché ukoll iżda benchmark importanti.
    Tawwalt. Dak kollox għal-lum. Xejn kontroversjali. Pjuttost filosofiku.
     
    Aaron Farrugia huwa s-Segretarju Parlamentari responsabbli għall-Fondi Ewropej u d-Djalogu Soċjali.