Home Id-Demokrazija Spiċċat?

    Id-Demokrazija Spiċċat?

    3 minuti qari

    Tħares ftit madwar id-dinja u tinduna li d-demokrazija mhix għaddeja minn perjodu sabiħ. Il-mexxejja awtokratiċi donnhom qed jisaħħu filwaqt li n-normi demokratiċi qed jiddgħajjfu.
    Fiċ-Ċina, il-President Xi Jinping emenda l-Kostituzzjoni biex neħħa l-limiti fuq kemm jista' jdum president. Il-filosofija politika tiegħu saret parti integrali mit-test tal-Kostituzzjoni u mill-ħajja politika tal-pajjiż.
    Fit-Turkija, il-President Recep Tayyip Erdoğan ikkonsolida l-pożizzjoni tiegħu permezz ta’ emendi kostituzzjonali. Illum, qed ikompli jsaħħaħ il-poter tiegħu kemm fuq livell domestiku kif ukoll fuq livell internazzjonali.
    Fir-Russja, il-President Vladimir Putin huwa l-mexxej indiskuttibbli tal-pajjiż li fl-aħħar elezzjoni presidenzjali li saret f’Marzu li għadda rebaħ mas-77% tal-vot. Għalkemm kien hemm għajdut ta’ frodi u irregolaritajiet, wieħed ma jistax jinjora l-fatt li hemm bosta mexxejja fil-Punent li jħarsu lejn Putin bħala allejat.
    Fis-Sirja, huwa prattikament impossibli li jkun hemm xi forma ta’ paċi u tmiem tal-gwerra ċivili mingħajr kompromess mad-dittatur Bashar al-Assad. L-akkużi kontrih jinkludu l-użu tat-tortura u tal-armi kimiċi.
    Fl-Ażerbaijan saret elezzjoni farsa li fiha l-President Ilham Aliyev rebaħ mat-86% tal-vot. Ir-reġim ta’ Aliyev huwa perikoluż minħabba ir-rabtiet tiegħu mad-dinja kriminali.
    Iżda dan mhux l-uniku reġim anti-demokratiku li jmiss mal-Baħar Kaspju. Dan ir-reġim, flimkien ma’ dawk tal-Kazakhstan u tat-Turkmenistan jiġu ttolerati minħabba l-biża' li l-waqa' tagħhom twassal għal kontroll minn gruppi b’rabtiet terroristiċi fir-reġjun.
    Fil-Punent qed tikber l-idea li gvern iktar awtokratiku jista' jsolvi dak li gvern li jemmen fid-demokrazija ma solviex.
    Hawnhekk wieħed irid jieqaf u jirifletti fuq dak li tfisser id-demokrazija. Għal bosta żmien ħsibna li d-demokrazija kienet destinazzjoni li meta tasal għaliha tista' sserraħ rasek li d-drittijiet bażiċi se jiġu rrispettati. Ħsibna li l-elezzjonijiet ħielsa huma biżżejjed biex jigarantixxu ggvernar demokratiku.
    Kellna żball. Mingħajr riflessjoni ta’ dak li tfisser id-demokrazija fil-perjodu partikolari li qed ngħixu fih, ma nistgħu qatt naslu biex inġeddu dawk l-istituzzjonijet li jigarantixxu l-iggvernar demokratiku.
    Naraw dan ukoll fil-politika internazzjonali. Kemm lesti naċċettaw dittatorjati bit-tama li ma jkunx hemm instabbilità? Kemm irid jgħaddi żmien qabel din it-tolleranza għal dak li hu anti-demokratiku tibda taffetwa s-sistemi politiċi tagħna?
    Diskors li għamel Winston Churchill f’Jannar tal-1940 għadu validu sal-lum: “Each one hopes that if he feeds the crocodile enough, the crocodile will eat him last. All of them hope that the storm will pass before their turn comes to be devoured. But I fear – I fear greatly – the storm will not pass. It will rage and it will roar, ever more loudly, ever more widely.”
    Id-demokrazija ma spiċċatx, però qed tistaġna fil-klima politiku preżenti.
    andre.deb@gmail.com
    André P. DeBattista huwa riċerkatur indipendenti fil-qasam tal-politika u l-affarijiet internazzjonali.