Home ​Are there crooks everywhere?

    ​Are there crooks everywhere?

    4 minuti qari

    Dħalt f’kamarti..frixt ħarsti fuq l-iskrivanija mimlija karti…tbissimt u fl-istess ħin tkexkixt…ersaqt biex niġbor it-tablet u minnha waqgħet karta…ġbartha u mill-ewwel għaraftha…Kienet lista ta’ disa’ artikli li ridt nikteb għal diversi festi għas-sajf. Wara kollox illum San Pubulju  u għalhekk l-istaġun magħna. Tfajtha fuq il-mejda…
    Ma tantx insaddad ġewwa. Saqajja kienu diġà kmandawni. Sibtni ħiereg il-barra mill-kamra għal fuq is-setaħ filwaqt li ftaħt it-tablet u rajt l-ewwel post. Kien ta’ Newsbook. L-aħbar konna kważi drajnieha. Il-ġrajja qed tevolvi qisha telenovela….Issa ilha tkaxkar sena.  ‘Esklussiva: Għandi l-provi-Efimova’ kienet taqra l-aħbar…u ma’ tagħha  nistgħu nżidu dik ta’ Jonathan Ferris, ċittadin li stennejt li kellu jingħata  l-protezzjoni ta’ whistle blower iżda ma ngħatax.
    F’ daqqa waħda  ħassejt dieqa… u ftakart  fil-mewt traġika u bierda tal-ġurnalista u omm Daphne Caruana Galizia. Ħajitha nħasdet bi qtil makabru ta’ karozza bomba. Ksaħt x’ħin ftakart. ‘Wasal vigil ieħor’ dlonk ftakart..il-memorja tagħha trid tibqa’ ssaltan…
    Intfajt fuq petruna għas-sħana tax-xemx u bdejt nikteb…
    Imma min jitkellem hu traditur?…Għalfejn hawn min jaqtagħha hekk? U traditur ta’ min? …spiċċajt ngħid lili nnfissi. Tal-interess pubbliku?
    Niftakar qisu l-bieraħ. Dan hu wieħed mit-titli li jien laqqat ukoll fost bosta, wara r-riżenja tiegħi minn Whip tal-Gvern qabel ma tħabbret li se ssir elezzjoni bikrija…Kont ktibt ittra miftuħa pjuttost twila. Il-ħsieb kien li nreġġa’ l-għemil ta’ governanza tajba fuq il-pedestal li jistħoqqlu, bit-tama, li l-fiduċja tal-poplu lejn idejal Laburista storiku ma tiġix użata biex timbotta l-aġenda tal-ftit, li kien, u għadu, jidher ċar li m' għandhomx l-Interess Nazzjonali la f'qalbhom u wisq inqas f'moħħhom.
    Fittixt fin-notebook tat-tablet x’ kont għedt. Sibtha… 
    ‘Il-logħba politika tal-illużjoni qatt ma għoġbitni, aħseb u ara l-intriċċi tal-logħba Makjavellana, politika post-verità, ipokrita jew anti-verità.’
    U minn dak iż-żmien ‘l hawn il-kobba tidher li tħabblet sew. Saħansitra ta’ Pilatus Bank, Hanley and Partners u Cambridge Analytica jidhru li huma għaġna waħda f’ċertu oqsma. U biex tgħaxxaqha, biex nagħmlu sarima lill-ġurnalisti, l-gvern lest li jkun kompliċi fiċ-ċensura tal-istampa billi jissapportja l-miżuri ta’ l-iSLAPP (Strategic Lawsuit Against Public Participation) għax tal-istampa u x-xandir ma jkunux jifilħu jħallsu d-difiża legali tagħhom u għalhekk ikollhom jabbandunaw ċertu investigazzjoni u l-kritika.
    Spiċċajna nazzjon fejn ir-ruħ u dak li jidentifikana qed jintesa’.
    Spiċċajna poplu individwalistà iżda beżgħan, poplu li nesa’ s-sens ċiviku, l-bżulija u l-għaqal ta’ missirijietna. L-attitudni ta’ xejn m’hu xejn rebħitna. Tnawwret il-fibra morali…u s-sens ta’ bilanċ tal-poter f’demokrazija rappreżentattiva tnaqqar, tant li ‘z-żerriegħa tal-għemil skorett marrad pajjiż bil-kankru tal-korruzzjoni’…‘Illum konvint minn qatt qabel li hawn min jisker fil-poter…Power Corrupts, Sur President’
    ‘Il-korruzzjoni għerriet is-soċjetà tagħna…’ Hekk tennejt din il-ġimgħa fil-Parlament.
    ‘The situation is desperate’. Are there crooks everywhere?
    Daphne Caruana Galizia ma qagħditx iddur mal-lewża. Stqarritha b’ mod ċar.
    Illum reali aktar minn qabel. Dan mhux pajjiż normali.
    Għandna ħafna x’ nagħmlu…
    Jien qiegħed fil-politika biex inservi b' umiltà u hekk nibqa' nemmen u ngħix. It-tama tiegħi tibqa’ mkebsa ghax nemmen fil-poplu Malti u Ghawdxi.