Home “Taqra l-messaġġi u tħosshom qed jitfgħulek il-melħ fuq il-ferita”

    “Taqra l-messaġġi u tħosshom qed jitfgħulek il-melħ fuq il-ferita”

    2 minuti qari

    Hekk kif il-ġurnata ta’ Jum l-Omm qiegħda magħna, ħafna jkunu ferħanin li għandhom ġurnata oħra speċjali mal-persuna li ġabithom f’din id-dinja filwaqt li oħrajn jistgħu biss jiftakru fil-memorji.
    Nista’ nifhem lil dawk l-ulied kollha li tilfu lil ommhom, kemm ġurnata bħal din tista’ tkun diffiċli għalihom. Speċjalment li nibdew minn ġimgħat qabel nirċievu l-messaġġi b’riklami biex nixtru l-aqwa rigal lil ommna.
    Xħin taqrahom dak il-ħin tħoss bħal qisu xi ħadd tefgħalek il-melħ fuq il-ferita. Wara li tisma’ l-mowbajl idoqq, tmur tiċċekkja u l-ewwel sentenza li taqra tkun ‘Treat your Mum this Mother’s Day’.
    Qisna nkunu nixtiequ li tfittex tgħaddi din il-ġurnata u messaġġi bħal dawn ikomplu jfakkruna li l-ġurnata qed toqrob. Faċli tgħid tinjora l-messaġġi li tirċievi però fil-verità bejn il-kliem u l-fatti hemm baħar jikkumbatti.
    Kemm jista’ jkun dejjem nipprova niftakar fil-memorji s-sbieħ li għandna flimkien jien u ommi mal-familja tagħna u b’hekk inżomm il-memorja tagħha ħajja f’qalbi.
    Ftit ilu kont qed naqra blogg fuq websajt barranija u fiha kien hemm sentenza li baqgħet f’moħħi: ‘My mother wasn’t just a mother who died; she was also a woman who lived.’ Huwa fatt li l-omm fiżikament m’għadhiex preżenti fostna, però dik l-omm għexet ħajja mal-għeżież tagħha li flimkien bnew ħafna memorji li ħalliethom warajha ħajjin fil-qlub ta’ min kien viċin tagħha, minkejja li ħallietna t’età żgħira.
    Fil-ħajja mhux kemm tgħix jgħodd iżda kif tgħix. Lil ta’ madwarek tinsiehomx, għandhom kemm għandhom żmien. Tistennewx ġranet speċjali bħal dawn biex tiċċelebraw lil għeżież tagħkom, iċċelebraw il-ħajja ta’ xulxin kuljum, veru li l-ħajja tal-lum saret mgħaġġla ħafna imma ejja ma nħallux affarijiet materjali jagħmuna u ma napprezzawx lil għeżież tagħna.