Home Ta’ swied il-qalb li f’177 sena ma nbidel kważi xejn

    Ta’ swied il-qalb li f’177 sena ma nbidel kważi xejn

    4 minuti qari

    F’Jannar tal-1841 twaqqfet il-Malta Chronicle. Fost l-għanjiet li pproponiet din il-gazzetta fl-ewwel ħarġa tagħha kien hemm dik li tnaqqas jew ittaffi dak li ssejjaħ “all party warfare, all personal controversy and altercation with its contemporaries” – ċioè l-animożità bejn fazzjonijiet li jħaddnu opinjonijiet differenti.
    Għaddew ‘il fuq minn 177 sena minn dik il-ġurnata u għadna fl-istess ilmijiet. Hemm kważi gwerra bejn nies li jħaddnu opinjonijiet u twemmin differenti. Il-lingwaġġ li jintuża huwa dak tal-gwerra u ta’ spiss nisimgħu referenzi għal ‘ġlied’, ‘battalja’ u ‘rebħ’/’telf’. Jekk wieħed ma jasalx bit-tgħajjir, forsi wieħed jasal bil-vjolenza u l-intimidazzjoni.
    Il-perspettiva storika twassal biex wieħed jara wkoll l-affarijiet fit-tul; biex wieħed jinduna li xejn mhu ġdid. Kif ifisser tajjeb l-aformisma Ingliż: History doesn’t repeat itself but it often rhymes.”
    Fuq quddiem nett ta’ din il-‘gwerra tal-ideat’, insibu l-istampa u l-midja. Filwaqt li dan is-settur ikun minn tal-ewwel biex iwassal l-informazzjoni, huwa jkun ukoll l-ewwel wieħed li jintlaqat jekk din l-informazzjoni (jew l-interpretazzjoni tagħha) ma tintgħoġobx.
    Fl-1919, waqt il-ġlied tas-Sette Giugno, l-uffiċini tal-Chronicle sfaw attakatti u nħaraq l-apparat li bih kienet tiġi stampata l-gazzetta. Fil-15 ta’ Ottubru tal-1979, il-bini li fih kien tiġi stampata The Times inħaraq minn marmalja ta’ nies. F’dan l-attakk inħarqet ukoll il-librerija fotografika tal-istess gazzetta b’ritratti storiċi li llum m’hemmx prezzhom. Fis-snin tmenin, l-uffiċini tal-gazzetta Il-Ħajja wkoll sfaw fil-mira tal-vjolenza. Fil-kuntest tal-lum, il-libell kriminali kontra l-istampa u n-nuqqas ta’ liġijiet anti-SLAPP jistgħu jwasslu biex jipperikolaw l-eżistenza ta’ xi djar tal-midja.
    Dawn l-attakki dejjem saru f’kuntest partikolari. L-attakk fuq il-Chronicle sar wara kampanja ta’ tixwix f’bosta oqsma biex jippruvaw inaqqsu mill-kredibilità tal-gazzetta. Min-naħa tagħha, il-Chronicle ċertament ma żammitx mal-kelma tagħha li tnaqqas il-partiġġjaniżmu – anzi, pjuttost il-kontra. It-Times kienet għaddiet minn snin twal ta’ kampanji ta’ tixwix u tgħajjir. Wieħed ma jistax jinsa l-attakki personali li kienu jsiru kontra l-propjetarja tat-Times, Mabel Strickland. Fost it-tgħajjir, wieħed isib kliem dispreġġjattiv bħal ‘frustrata’, ‘imdejqa’ u ‘paljazza tal-Ingliżi’. L-istorja ma tirrepetix ruħha, imma ċertament hemm drabi fejn jistgħu jsiru xi taqbiliet.
    Illum l-informazzjoni saret għodda li biha jsir il-ġlied u li permezz tagħha jistgħu jiġu skreditati individwi. Meta l-aħbar issir arma għal ġlied, il-forma u s-saħħa ta’ dik l-arma jagħmlu differenza.
    B’hekk jinħoloq il-fenomenu tal-fake news; ta’ aħbarijiet li jitmexxew minn sorsi mhux kreddibli, ta’ għajdut li ma jkunux ivverifikati, u ta’ qlajjiet li jixxerdu fuq profili foloz fuq in-netwerks ‘soċjali(wieħed irid jara kemm verament huma ‘soċjali’ dawn l-għodod teknoloġiċi).
    F’dan il-kuntest, id-diskors kontra min ma jaqbilx ma’ ħsieb partikolari ħrax. Dan mhux fenomenu li narawh Malta biss. Jekk wieħed jara d-dibattiti politiċi f’bosta pajjiżi, wieħed jinduna li hemm iktar emfażi fuq l-iskambju tat-tgħajjir milli dak tal-ideat u l-proposti.
    U min qed ibati l-iktar f’dan kollu? Huma propju ċ-ċittadini; dawk li jikkonsmaw l-aħbarijiet u dawk li jixtiequ ħafna jidħlu fi djalogu imma li minħabba l-atmosfera tossika joqogħdu lura.
    Bla dubju, m’għandniex quddiemna fenomenu ġdid. Iżda hija ta’ swied il-qalb meta wieħed jinduna li f’177 sena, ma tbiddel kważi xejn.
    andre.deb@gmail.com