Home Superhuman, Superhero... u Superpolitics biex inkunu Supersmart

    Superhuman, Superhero… u Superpolitics biex inkunu Supersmart

    6 minuti qari

    Iċ-ċarġ tat-tablet kważi spiċċa. Qiegħed fuq il-ferrovija naqsam minn xaqliba għal oħra tal-Olanda. Erba’ sigħat ilu kont Malta. Illum faċli taqta’ biljett tal-ajru u titlaq. L-aċċessibiltà tat-trasport pubbliku ċekknet l-Ewropa.

    Triqti ma kontx nafha sew, għalkemm kont naf id-destinazzjoni. Minn hawn u minn hemm, la ssaqsi, malajr issib tarf u taċċerta ruħek. Għalkemm ikolli ngħid li b’search fuq l-iPad, tista’ wkoll tasal għall-istħarriġ mingħajr ma ssaqqaf wiċċek, u dan grazzi għan-netwerk diġitali.

    It-trejn kienet għaddejja ġmielha u l-veduta mit-tieqa kienet ta’ pajsaġġ imħaddar u saqwi. Mhux faċli tieħu ritratt ta’ dak li tara. Kollox jiġi mżelleġ minħabba l-veloċità li l-ferrovija tkun għaddejja.


    Fil-kabina tal-ferrovija kont f’żona, fejn fil-bankijiet setgħu jpoġġu tnejn min-nies faċċatta ta’ xulxin. Quddiemi kien hemm koppja adulta barranija u s’issa, tul il-vjaġġ lanqas kienu nisslu kelma. Rashom baqgħet mgħaddsa ġol-mowbajl itektku u jibagħtu l-messaġġi… Ma naħsibx li kienu qed jibagħtu messaġġi lil xulxin! …Eh, it-teknoloġija diġitali x’għamlitilna! Qarrbitna u begħditna fl-istess ħin.

    Insomma, ħarsa madwari, il-kabina kienet mimlija u kważi kulħadd kien qed itektek, inkluż it-tfal ċkejkna li kien hemm, u min ma kienx, kellu ear phones ġo widnejh jisma’ l-mużika, maqtugħ f’dinja għalih. Ħa ngħidha kif inhi, ma hemmx għalfejn jittella’ sinjal fuq l-iskrin biex inżommu s-skiet fil-kabina. Lanqas biss tinduna li qiegħed ma’ ġemgħa nies, sakemm ma jitħarrikx xi ħadd jew forsi jisgħol xi ħadd.

    Kos kif inbidlet id-dinja f’20 sena. Qed ngħixu fi żmien, li meta tixtarr, tintebaħ li donna lkoll qegħdin f’tellieqa, tant li għalkemm qed nikbru aktar fl-età, il-ħajja nħossuha li qsaret. Spiċċajna rridu nlaħħqu ma’ kollox, filwaqt li nfittxu li nkunu l-aqwa, l-aħjar, l-akbar u l-isbaħ. Ħajjitna ġriet bina. Sar kollox iħoll u jorbot mal-branding u d-dehra, iżda b’kuntrast ma’ fejn jolqot il-laħam il-ħaj, l-attitudni hi waħda qisu kollox xejn mhu xejn. Inqtajna mir-realtajiet tal-ħajja u mill-għeruq tagħna stess. Kollox qed jitwettaq b’mod assessiv u indirizzat lejn is-swieq u l-kummerċ. Il-flus, anke dawk virtwali bħal bitcoin, saru allat foloz. Ikolli nerġa’ ngħid dak li hu. Hi t-teknoloġija tas-servizzi li ffaċilitat dan l-iżvilupp ta’ komportament uman.

    Soċjetà li qed tinbidel faqqajnielha timbru. Dik ta’ revoluzzjoni kulturali li tindirizza s-sess u  s-sesswalità (The Cultural Sexual Revolution). Is-sess, minn ħaġa intima li hi l-qofol ta’ relazzjoni bbażata fuq imħabba, spiċċa jneżża’ l-persuna mir-realtajiet umani, mid-dinjità tal-persuna stess. Għal darboħra t-teknoloġija viżiva u dik tal-midja soċjali eżaġerat l-aspettativa. Mal-istess tema jintrabtu d-drittijiet tal-orjentazzjoni, identità u espressjoni sesswali. Ilum ‘l hemm mill-pornografija li saħansitra laħqet liċ-ċkejna tfal, tara slogans bħal Celebrate Sex, kartuns bħal ‘The family man’ u sesswalizzazzjoni tal-figura tal-mara marbuta ma’ prodott.

    Se nżid oħra li hi parti mill-patoloġija ta’ din ir-revoluzzjoni. L-użu tal-plastik f’kull oġġett u ħaġa li mdawrin biha.

    Qatt waqaftu ftit u ħsibtu l-mod kif il-bniedem qatagħha li l-indiċi tal-GPD huma aħjar mill-happiness index jew bl-iskuża tal-iżvilupp, ħadha qatta bla ħabel kontra l-ambjent, li wara kollox jiddetermina l-prosperità ta’ saħħitna?

    It-tnejn li huma, is-sess u s-sesswalità, u l-plastik, għandhom għemil komuni.  Għandhom attitudni ta’ uża, warrab u armi, preferibbilment single use wkoll, u jixhdu glorifikazzjoni personalizzata. Hu meta twieżen dak li hu, tasal f’konklużjoni li dan mhux ħlief attakk distruttiv mill-bniedem fuq il-bniedem innifsu. Attakk fuq is-sura u saħħa tiegħu, fejn l-emozzjonijiet qed jgħibu u l-kuxjenza qed tisparixxi. Il-prinċipji u l-valuri ċċajpru u dak li hu tajjeb mhux dejjem qed  jintgħaraf, filwaqt li l-ħazin inpinġuh tajjeb. U dan il-komportament ġabu wkoll il-progress tat-teknoloġija li qed tnawwar il-fehma, l-għemil u l-emozzjonijiet tal-bniedem.

    Imma biex inkun superhuman u superhero, spiċċajna noħolqu l-bniedem kif nixtiquh billi nilagħbu mal-bioġenetika u noħolqu l-ħajja minn synthetic biology. Min jaf x’se jiġri ‘l quddiem?

    Mhux l-ewwel darba bħala tabib ikolli min isaqsini għas-superdrugs biex ikollu aktar enerġija, jikkonċentra aktar, ma jkunx muġugħ, ma jorqodx, ikun ferħan. Hawn min isejħilhom smart drugs ukoll. Sirna soċjetà li hi dipendenti wisq, mhux fuq li nibnu relazzjonijiet umani, imma fuq li nagħtu boost lilna nfusna. 

    Hi l-inċertezza li jkollu l-bniedem, anke fl-aqwa żminijiet, li toħloq l-ansjetà u li tista’ wkoll twaqqagħna għall-vizzji, kemm jekk hux ikel xaħmi jew ħlewwa, xorb, tipjip jew logħob ( gaming). Kollha huma legali iżda ma jfissirx li huma safe. Min-naħa l-oħra, l-abbuż ta’ droga żdied mhux biss f’numru ta’ nies milquta, imma fil-qawwa tal-mediċina abbużata u t-taħlit ta’ droga f’diversi cocktails li jinħolqu. Donna rridu nżidu l-buzz. Għalhekk illum pereżempju għandna l-crack cocaine, id-direttiva tal-kannabis li hi sintetika u drogi oħra li ġabu l-bniedem fi ġlieda miegħu nnifsu għax tilef ir-rażan.

    Sa fl-aħħar fil-kabina xi ħadd tkellem u ieħor faqqa’ d-daħk. Inkisret il-monotonija… Mingħajr ma ridt ħarist u tbissimt. Ma kontx l-uniku wieħed. Il-ferrovija kienet għadha għaddejja ġmielha tul triqitha.

    Konxju ta’ dan l-għatx biex soċjetà mibdula tkun super-uman, super-eroj, il-politika qed tibdel wiċċha. Saret l-arti u x-xjenza tal-perċezzjoni, tal-Cambridge Analytica, tal-poter, ta’ politika li hi servili lejn is-sinjur, tad-daħk fil-wiċċ, tal-propoganda politika, ta’ interessi pekunarji, ta’ sensazzjoni u politika ta’ fejn hu dritt tiegħek jingħata qisu pjaċir. 

    Tinnutaw bhali. Minflok is-sistema tal-politika saħħet lis-soċjetà, ħarset lejn xewqitha, segwietha u spiċċat tamplifikaha, filwaqt minn wara l-kwinti tmexxi kif jaqblilha. Donnu l-poplu qisu lluppjat ghax ftit li xejn jaġixxi u kważi xejn ma jaħseb b’moħħu.

    Il-ferrovija waqfet fl-istazzjon. Kont intlift fil-ħsieb tal-kitba. Inħsadt. Lanqas l-iskoss tal-waqfa ma ħassejt…

    Le, jien ma rridx inkun la superhuman u lanqas superhero kemm bħala ċittadin u aktar u aktar bħala politiku. X’ waħda din, superpolitiku! Nibqa’ nħaddan is-sens ċiviku u nżomm mal-ideal: it-tajjeb hu tajjeb u l-ħażin hu ħażin. ‘Kos kif qbadna din it-triq fejn qed niġru biss wara s-suċċess biex nidhru supersmart’, għedt bejni u bejn ruħi.

    Jidher li rridu nibdlu l-ferrovija għal oħra. Ma kienx previst. Inqala’ xi ħaġa mix-xeħta tad-diskors li kien qed jintqal. Il-passiġġieri kollha qamu f’salt, donnhom stenbħu minn xi ħolma, u bħal merħla niżlu minn fuq il-ferrovija…  Tgħid naslu?