Home Isqof Awżiljarju eżemplari

    Isqof Awżiljarju eżemplari

    2 minuti qari

    Kont  għaddej  minn triq  f’Ħal Balzan  xi sena u nofs  ilu meta lmaħt qassis  riesaq lejja. Il-qassis refa’  rasu u sellimli bid-daħka, tislima  li rriflettiet il-persuna li tagħtieli:  tislima mimlija ferħ, paċi u serenità. Min  kien dan il-qassis? – Ħadd ħlief Monsinjur Joe  Galea Curmi li għadu kemm inħatar Isqof Awżiljarju  ta’ Malta.

    Nistqarr  magħkom li  jien ħadt gost  ħafna meta smajt  din l-aħbar għaliex  il-Monsinjur Galea Curmi  għalija huwa xempju ħaj ta’  kif għandu jkun qassis, jiġifieri  bniedem li meta tiltaqa’ miegħu tħossu  jimlik bil-kuraġġ Nisrani, b’dak kollu li  hu pożittiv fil-ħajja. Barra minn hekk, il-Monsinjur  Galea Curmi għandu  l-aqwa ħaġa li jista’  jkollu bniedem: l-umiltà.

    Minkejja  d-doti kollha  tiegħu, Joe Galea  Curmi tħossok komdu  għall-aħħar fil-preżenza  tiegħu għaliex iġib ruħu  dejjem fuq l-istess livell tiegħek. Jien sirt nafu meta kont ġejt elett kunsillier biex  nirrappreżenta lil Ħal Balzan għall-ewwel darba fl-2012. Xi ħaġa li laqtitni mill-ewwel  kienet is-sens ta’ servizz tiegħu, il-ħeġġa biex jaqdi lill-komunità.

    Niftakar  li darba bħala  Kunsillier Balzani  kont se nattendi quddiesa  li ssir għall-okkażjoni ta’  Jum Ħal Balzan. Dħalt fis-sagristija  għax xtaqt inqerr qabel u rajt lill-Monsinjur  Galea Curmi. Kien okkupat jagħmel xi ħaġa u għedtlu  biss li xtaqt inqerr. Stennejt li se jgħidli: “stenna ftit,  dalwaqt miegħek”. Imma le, telaq kollox u ġie ħalli nqerr dak  il-ħin stess.

    Sfortunatament,  illum hawn ħafna  li jmaqdru lill-Knisja  Kattolika f’Malta u f’99% tal-każi  jkun tmaqdir bla bażi ta’ xejn.  Jinsew  dawn in-nies  kemm tagħmel ġid  il-Knisja u kemm hawn  qassisin li jiddedikaw kull  mument ta’ ħajjithom għas-servizz  tal-oħrajn. Monsinjur Galea Curmi huwa  wieħed mill-aħjar eżempji ta’ dan.

    Persważ  li l-Isqof  Awżiljarju l-ġdid  se jkun ta’ ġid kbir  għall-Arċidjoċesi ta’ Malta,  bħala spalla għall-maħbub Arċisqof  ta’ Malta, Monsinjur Charles Scicluna.