Home Aktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ

    Aktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ

    3 minuti qari

    B’mod kontinwu qed niddiskutu l-futur tal-Ewropa u nsaqsu lilna nfusna fejn irridu nieħdu l-Ewropa? Filwaqt li ż-żgħażagħ huma l-preżent, huma wkoll simbolu tal-futur tal-Ewropa. Din il-ġimgħa fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu ltqajt ma’ bosta żgħażagħ Maltin fejn magħhom kelli ċ-ċans niddiskuti bosta temi fosthom l-involviment taż-żgħażagħ fil-volontarjat, fis-soċjetà u fil-politika. Tkellimna wkoll dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-effetti ta’ Brexit fost l-oħrajn. Biss osservajt ukoll li ż-żgħażagħ kellhom interess f’aktar opportunitajiet.

    Fil-Parlament Ewropew jien membru tal-kumitat responsabbli miż-żgħażagħ u propju l-ħidma tiegħi f’dan il-kumitat fejn jikkonċerna ż-żgħażagħ tiffoka fuq li noħolqu aktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ. Fl-aħħar xhur grazzi għall-ħidma tal-Grupp PPE ġie mniedi l-proġett #DiscoverEU li permezz tiegħu żgħażagħ ta’ 18-il-sena jsiefru b’xejn u jżuru sa erba’ pajjiżi oħra. Dan mhux sempliċiment biljett b’xejn imma investiment fiż-żgħażagħ u fl-Ewropa għaliex l-Ewropa mhux biss il-politika imma wkoll mezz li permezz tiegħu ġġib in-nies eqreb ta’ xulxin.

    Għal dan il-proġett applikaw ‘il fuq minn 120 żagħżugħ/a Malti/Maltija. Minħabba kwota fuq kull pajjiż ħa jkunu 15-il persuna minn Malta li finalment se jipparteċipaw. Dan in-numru hu simbolu ta’ kemm iż-żgħażagħ Maltin ifittxu aktar opportunitajiet. Jien bil-ħidma tiegħi qed naħdem biex dawn l-opportunitajiet iż-żgħażagħ isibuhom. Din il-ġimgħa stess waqt laqgħa mal-kummissarju Ewropew għaż-żgħażagħ, edukazzjoni u sport tlabt sabiex ikun hemm aktar fondi għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin ħalli numru akbar ikunu jistgħu jipparteċipaw.

    Iż-żgħażagħ kellmuni wkoll dwar il-ħiliet li hemm bżonn għall-ħtiġijiet ta’ għada. Dwar dawn uħud qaluli li esperjenzi bħal Erasmus huma opportunità biex anke jieħdu esperjenza li tmur lil hinn minn dak li jitgħallmu f’ambjent akkademiku. Anke hawn flimkien mal-grupp PPE qed nimbotta għal aktar fondi sabiex aktar studenti, żgħażagħ u sportivi Maltin jkunu jistgħu jibbenefikaw minn din l-opportunità. Ma nistax ma nsemmix li anke qed naħdmu biex insaħħu dejjem aktar il-fond li permezz tiegħu aktar żgħażagħ ikunu jistgħu jirċievu sapport sabiex iwettqu volontarjat. Dan hu neċessarju aktar minn qatt qabel jekk irridu tassew soċjetà li jimpurtaha mill-oħrajn u minn dawk fil-bżonn. Mod tajjeb kif naraw li dan iseħħ u appuntu li ninvestu biex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jwettqu dan.

    Din hi l-Ewropa li jien nixtieq għaż-żgħażagħ, Ewropa li toffri opportunitajiet, opportunitajiet ta’ taħriġ, ta’ tagħlim, ta’ volontarjat u opportunità li nġibu n-nies flimkien sabiex verament japprezzaw u jesperjenzaw il-valuri Ewropej u dak li jgħaqqadna lkoll flimkien.