Home Il-ħdura tagħna lkoll

    Il-ħdura tagħna lkoll

    4 minuti qari

    Kien filgħodu għall-ħabta ta’ nofsinhar. Kont fil-ġnien bilqiegħda mal-mejda għad-dell ta’ ħajt imwarrad lest biex nikteb il-blogg. Minkejja n-nixfa u s-sħana tal-ġranet sajfin, id-dehra naturali tal-ġnejna kienet sbejħa.

    Lanqas ilħaqt poġġejt li ma ġejtx milqugħ mit-tlett iklieb ħbieb tiegħi. Wieħed strieħ fuq siġġu biswiti u l-ieħor taħt il-mejda fejn saqajja filwaqt li l-oħra ntefgħet fuq quddiem. Waqt li jien ħarist ‘l hawn u ‘l hinn, raqdu. Kelb rieqed la tqajmux jgħidu. Spiċċajt mgħasses sew.

    Il-ħdura tal-madwar mill-ewwel fakkritni f’Timothy Tabone, ġentlom li jitkellem Malti safi u midħla sew tal-botanija. Kont iltqajt miegħu l-Belt u morna f’kafetterija. Qattajt ftit ħin sew nisimgħu u mhux talli tgħallimt, talli ndunajt kemm kelli bżonn nitgħallem aktar dwar dan is-suġġett. Jitkellem b’namur u patrijottiżmu ambjentali li jsaħħrek. Sintendi ħadt l-okkażjoni  biex insaqsih dwar numru ta’ widien li qed nipprepara deskrizzjoni dwarhom, f’ħidmieti, ħalli jiġu aktar protetti.

    Hekk kif kont qed nikteb, daħlet imejl ta’ Andrew Azzopardi. Ftaħtha. Kienet indirizzata lill-membri parlamentari. Qrajtha. Kienet miktuba mill-qalb u b’mod għaref, ta’ professur li hu. Mill-ewwel fakkritni fl-ittra tar-riżenja tiegħi minn Whip indirizzata lill-Prim Ministru u b’mod partikolari għas-sentenza: ‘Tlifna l-fibra morali. Ma rnexxilniex ngħaqqdu l-poplu. In-nies spiċċat konfuża tfittex fil-għama, għatxana għall-veru verità.’ (30/5/17)

    Ftaħt il-Facebook u tela’ u rajt il-post ta’ Marlene. Kienet tellgħet post dwar l-ittra ta’ Andrew u mill-ewwel deherli li għandi nagħmel share għall-Facebook page tiegħi u ktibt kumment:

    ‘Andrew il-fibra morali f’dan il-pajjiż tkissret u magħha r-ruħ soċjali. Qed ngħixu fi żmien fejn il-governanza u s-sostenibilità mhumiex imħaddma u d-dinjità tal-persuna ddgħajfet. Jgħodd lil min taf u l-alla saru l-flus. Hu l-ġlekk li jidentifika l-politiku u mhux l-għemil u l-umiltà li jservi l-interess pubbliku u lil Malta. Malta spiċċat isservi lil tal-qalba u ‘l-għani. JM PL u Delia PN saru ħaġa waħda…’

    Nitnikket meta nikteb hekk, iżda dik hi l-verità. Andrew għandu raġun. Soċjetà li nbidlet insiet lilha nnifisha u l-wellbeing tagħha.

    Il-kelb li kien mistrieħ fuq is-siġġu, tmattar… qam fuq saqajh u fejn qatt ma għamilha, qabeż u tela’ fuq il-mejda… Ħares lejja, dawwar rasu lejn l-iPad donnu ried jgħidli, kompli, importanti li tgħid dak li hu. Donnu interessa ruħu. Fil-pront reġa’ niżel għal fejn kien u tmelles miegħi, mistrieħ fejni.

    Fejn mar is-sens komun? Il-Prim Ministru jrid jagħmel lil Malta kosmopolitana, Sandro Chetcuti tal-MDA jrid jagħmel lil Malta, Monaco… xi ħadd stqarr li din hi s-Sena tas-Siġar (u qed nagħmlu rebus) u nofs tużżana għonja għamlu pajjiżna tagħhom, tant li qed jagħmlu triq fil-baħar. 

    Iddur kif iddur, l-għan hu wieħed. Il-barunijiet tal-konkriet u l-kult tal-gebla serjgarfu pajjiz.  Bħal dejjem qed naraw sal-pontata’ imneħirna u l-interess u wirt il-missirijietna qed jintesa’.

    Post tal-Facebook qabel dan, kont għadni kemm għamilt share ta’ ieħor miktub minn Nikolai Abela li tella’ ritatt ta’ faċċata ta’ binja li arkitettonikament kellha stil, ordni u simetrija u fuqha bnew oxxenità. Bilfors ikollok tikkummenta: ‘L-istess bħal meta wieħed jilbes xorts ma’ ġakketta black tie…Barra tort lill-PA nagħti tort lill-Perit li applika. Ma fadalx orgolju f’dan il-pajjiż.’

    Vera binja li tirrifletti l-istat tas-soċjetà li ngħixu fiha, dak li jiddiskrivi tant sew il-Prof. Andrew. Ritratt wieħed li jixhed kull ma sirna u aħna.

    Jekk ma nagħmlu xejn ma jseħħ xejn.

    Il-ħajja hi sabiħa imma bħal xitla jekk ma nindukrawhiex malajr tidbiel bix-xmux. 

    Tgħid ‘il fejn sejrin? Din il-ħdura hi tagħna lkoll.