Home Malta bħal Monaco, il-ġennata ta’ Sandro Chetcuti

    Malta bħal Monaco, il-ġennata ta’ Sandro Chetcuti

    3 minuti qari

    Ħalli  nibda  billi  nistqarr  li  għandi  rispett  kbir  lejn  il-President  tal-Malta  Developers  Association,  is-Sur  Sandro  Chetcuti.  Però,  dan  l-aħħar  bqajt  imbellaħ  meta  qrajt  li  huwa  qiegħed  jara  l-futur  ta’  Malta  bħala  Monaco  oħra.  Ikun  ġenn  sfrenat  li  nibqgħu  sejrin  bi  żvilupp  li  l-iskop  primarju  tiegħu  jkun  li  nagħmlu  lil  pajjiżna  post  imfittex  mis-sinjuruni  l-kbar  fix-xena  internazzjonali.

    Għaliex  qiegħed  ngħid  hekk?  –  Għaliex  argument  ta’  dan  it-tip  li  qiegħed  jagħmel  il-ħabib  tiegħi  Sandro  Chetcuti,  filwaqt  li  jagħmel  sens ekonomikament,  għandu  riperkussjonijiet  soċjali  negattivi  serji.  Malta  diġà għandha problema  kbira soċjali  minħabba  l-prezzijiet  esaġerati  tal-propjetà.  Illum  koppja  li  tkun  waslet  biex  tiżżewweġ  tiffaċċja  problemi  kbar  meta  tiġi  biex  tfittex  propjetà bħala  residenza.

    Sew  jekk  trid  tikri  u  sew  jekk  trid  tixtri,  trid  flejjes  kbar  biex  ikollok  post  diċenti  fejn  toqgħod.  Dan  qed  iġib  miegħu  problemi  kbar  soċjali.  Għandek  koppji  li  jaħdmu  lejl  u  nhar,  full-time  u  anke  part-time  biex  ilaħħqu  mal-pagamenti.  Mhux  ta’  b’xejn  li  tant żwiġijiet qed  ifallu.  Għax  kif  tista’  tgħix  ħajja  miżżewġa  trankwilla  meta  torqod  biss  xi  erba’  sigħat  kuljum  u  taħdem  ħafna  mill-kumplament?  –  Meta  jkollok  koppji  bir-raġel  u  l-mara  kollhom  nervi  ma’  xulxin?  –  Meta  għandek  tfal  li  jitrabbew  tista’  tgħid  min-nanniet  għax  ftit  jaraw  lill-ġenituri  tagħhom?

    Jekk  Malta  nagħmluha  Monaco  oħra,  is-sitwazzjoni  tal-prezzijiet  esaġerati  tal-propjetà  se  tkompli  tmur  għall-agħar  għaliex  is-sinjuruni  barranin  jifilħu  jħallsu  ħafna  aktar  mill-maġġoranza  tal-Maltin  u  hekk  inkomplu  nirvinaw  is-suq  tal-kiri  u  tal-bejgħ  tal-propjetà  f’pajjiżna.  Mhux  hekk  biss  imma  nkomplu  nkerrħu  l-ambjent  Malti  billi  nimlew  pajjiżna  b’aktar  blokok  tal-konkrit fejn,  ftit  ftit,  qed  neqirdu  d-djar  sbieħ  bil-ġonna  li  fadal  biex  flokhom jitilgħu aktar blokok ta’ flats, maisonettes, penthouses u  garaxxijiet.

    Ejjew  ma  ninsewx  li  meta  numru  kbir  ta’  familji  joqogħdu  viċin  ħafna ta’  xulxin  bħal  f’uħud  minn  dawn  il-blokok,  jinħolqu  problemi  soċjali  ġodda  bħal,  ngħidu  aħna,  kwistjonijiet  bejn  il-ġirien.  Ilu  li  għadda  ż-żmien  li  koppja  żagħżugħa  li  tkun  se  tiżżewweġ  tkun  tista’  tixtri  jew  tibni  d-dar  tagħha.  Illum  dar  saret  tiswa  fortuna  għaliex,  kontra  għal  li  kien  isir  fl-imgħoddi,  il-valur  tagħha  jitqies  mhux  biss  skont  il-kobor  tagħha  u  l-lokalità fejn  tkun,  iżda  wkoll  bħala  x’potenzjal  għandha  biex  tiġi  żviluppata  f’xi  blokk.  Ftit  ilu  aġent  tal-propjetà tani  x’nifhem  li  fil-ġejjieni  lanqas  għad  jifdal  djar  għall-bejgħ  fis-suq  lokali  ħlief  dawk  li  tant  ikunu  għoljin  li  jkunu  jistgħu  jixtruhom  biss  is-sinjuruni  l-kbar.

    Għalhekk,  insostni  li  dak  li  qed  jipproponi  Sandro  Chetcuti,  il-President  tal-Malta  Developers  Association,  huwa  ġennata  mill-bidu  sal-aħħar.  Ejjew  ma  niħdux  deċiżjonijiet  li  jkomplu  jirvinaw  il-futur  tal-ġenerazzjoni  żagħżugħa.  Irridu  nieħdu  deċiżjonijiet  li  jagħmlu  sens  mhux  biss  fuq  bażi  ekonomika  imma  wkoll  fuq  bażi  soċjali.

    Malta  ma  tista’  qatt  tkun  bħal  Monaco.