Home Fondi Ewropej - kif nista’ nibbenefika?

    Fondi Ewropej – kif nista’ nibbenefika?

    3 minuti qari

    Fil-ħidma politika tiegħi, waqt bosta laqgħat fosthom ma’ għaqdiet u negozji zgħar niltaqa’ ma’ ħafna nies li jistaqsuni kif jistgħu jibbenefikaw minn fondi Ewropew. Hu ċar li hemm għatx għal aktar informazzjoni dwar dawn il-fondi li huma rabta importanti bejn iċ-ċittadini u l-Unjoni Ewropea.

    Fl-aħħar xahar kien hemm għaqda li taħdem fil-qasam tal-volontarjat li talbitni informazzjoni fuq kif tista’ takkwista fondi biex twettaq il-ħidma tagħha u jien ipprovdejt l-informazzjoni neċċessarja. Biss id-domanda għal din l-informazzjoni hi kbira u għalhekk miżuri sabiex jkun hemm assistenza lill-għaqdiet u negozji sabiex jakkwistaw fondi Ewropej hi xi ħaġa li jien nilqa b’sodisfazzjon.

    Fil-Parlament Ewropew jien qiegħed naħdem sabiex ikun hemm aktar fondi għall-Erasmus, programm li permezz tiegħu żgħażagħ Maltin jistgħu jippartecipaw ma’ żgħażagħ oħra ewropew  fl-isport u sabiex studenti Maltin jkunu jistgħu jistudjaw barra minn pajjiżna. Qiegħed  nemfazziza ukoll emfasi qawwija dwar il-ħtieġa għal aktar fondi favur il-proġett DiscoverEU sabiex iż-żgħażagħ ta’ 18-il sena jkunu jistgħu jsiefru b’xejn u jesperjenzaw il-wirt kulturali u l-valuri Ewropej.

    Wara laqgħat li kelli ma bosta bdiewa u raħħala qed nenfasizza wkoll li l-fondi Ewropew jkunu aktar aċċessibli b’mod sempliċi u li l-pagamenti jsiru mingħajr dewmien żejjed. Dan hu ta’ neċċessita kbira jekk aħna irridu li dan is-settur tant importanti minħabba l-provista tal-ikel jibqa’ ħaj f’pajjizna.

    Qiegħed naħdem umbagħad mal-għaqdiet volontarji Maltin fil-qasam tal-kanċer fostom il-Hospice Movement u Puttinu sabiex il-kanċer isir prijorità Ewropea. Fosthom qed nitlob li jkun hemm aktar fondi għar-riċerka sabiex nassiguraw kura speċjalment għat-tfal li jkollhom xi tumur rari u li fuqu għadna ma nafux biżejjed biex noffru kura.

    Il-Partit Nazzjonalista ġab bosta fondi Ewropew li trasformaw lil pajjiżna. Grazzi għal dawn il-fondi saru proġetti infrastrutturali bħal toroq fostom Triq il-Kosta, saru proġetti ta’ restawr tal-wirt kulturali u storiku tagħna bħall-proġett taċ-Ċitadella f’Għawdex, u proġetti oħra bħaċ-ċentru tal-Onkoloġija (Sir Anthony Mamo) li permezz tiegħu noffru kura lil min ikollu l-kanċer. Il-fondi Ewropej jagħmlu differenza fil-ħajja tagħna ta’ kuljum u għalhekk il-Gvern irid jassigura li Malta iġġib pakkett tajjeb ta’ fondi għal pajjiżna.

    Il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern kien assigura li Għawdex jirċievi 10% tal-fondi Ewropej. Irridu naraw li Għawdex bhħala gzira reġjun ikollu aċċess għall-fondi Ewropej li huma kruċjali fit-tkabbir ekonomiku tal-gzira.

    Fil-ħidma politika tiegħi qiegħed ninsiti ukoll li l-fondi Ewropej jintużaw tajjeb. Bħala eżempju meta jimbnew toroq ġodda naraw li dawn ikollom ukoll karreġajti sikuri għaċ-ċiklisti, li l-iskema tal-frott u l-ħaxix b’xejn fl-iskejjel iffinanzjata minn fondi Ewropej ma tiġġenerax ħafna plastik u jintuża l-prodott lokali, u li qabel isir proġett ikun hemm konstultazzjoni wieġħsa u serja man-nies milquta. L-użu tal-fondi iridu tassew jiriflettu l-valuri Ewropej, mhux lanqas il-valur li ntejbu dejjem aktar il-kwalita’ tal-ħajja tagħna.