Home Kif spiċċa l-PN!

    Kif spiċċa l-PN!

    2 minuti qari

    Tal-biża’ s-sitwazzjoni  li  jinsab  fiha  l-Partit  Nazzjonalista llum!  Ir-riżultat  tal-inkjesta  maġisterjali  dwar  il-każ  Egrant  ħareġ  fil-beraħ il-qasma  kbira  li  teżisti  fi  ħdan  dan  il-partit  politiku.  Ilna  nafu  li  l-Partit Nazzjonalista huwa maqsum f’żewġ fazzjonijiet, waħda  tappoġġja lil Dr Adrian  Delia  u  l-oħra  lil  Dr  Simon  Busuttil.  Però issa  qed  nikkonfermaw  ukoll  li  l-appoġġ  lejn  naħa  jew  oħra  huwa  tista’  tgħid ugwali wkoll, jiġifieri madwar 50% tal-partitarji Nazzjonalisti  jappoġġjaw lil  Delia  u  l-madwar  50% l-oħra  lil  Busuttil.

    Xi  ħaġa  oħra  li  stajna  ninnotaw  dan  l-aħħar  hija  wkoll  li  hemm  ċertu antagoniżmu  qawwi  bejn  iż-żewġ  fazzjonijiet,  kważi  bħallikieku  huma  żewġ  partiti  avversarji  ta’  xulxin  u  mhux  nies  li  suppost  għandhom  l-istess  ideoloġija  politika.  Kif  inhuma  l-affarijiet  illum,  resqin  lejn  sitwazzjoni  fejn  il-pajjiż  se  jkun  qed  jitmexxa  minn  partit politiku wieħed qawwi ħafna u fejn il-partiti politiċi fl-Oppożizzjoni  tant ikunu dgħajfa li prattikament ikunu hemm, kif  ngħidu  bil-Malti,  għan-numru  biss.

    Naħseb  li  wasal  iż-żmien  li  l-intellettwali  Nazzjonalisti  jirriflettu  sew  fuq  x’wassal  għal  din  is-sitwazzjoni  tal-biża’  fi  ħdanhom.  Hemm  ħafna  mistoqsijiet  x’jistaqsu:

    • Il-Partit Nazzjonalista se  jibqa’  sejjer  bil-politika  negattiva  li  beda  Dr Simon Busuttil  u  li  daħħlitu  fi  sqaq  li  ftit  jidher  li  jista’  joħroġ  minnu  malajr?
    • Għaliex hemm  min  jgħid  li  jemmen  fil-valuri  demokratiċi  iżda  fl-istess  ħin  ma  jaċċettax  l-għażla  tat-tesserati  tal-PN  dwar  min  għandu  jmexxi  lill-partit?
    • Il-ħafna protesti  fit-toroq  u  twaħħil  ta’  kartelluni  kontra  l-Gvern  Laburista  jagħmlu  sens  jew  huma  maħsuba  biss  biex  jimminaw gvern Malti li ġie elett b’maġġoranza assoluta u bl-iktar mod  demokratiku?

    Il-Partit  Nazzjonalista  qiegħed  f’xifer  l-irdum.  Hemm  bżonn  li  jibdel  triqtu  u  jibda  jaħdem  id  f’id  mal-Gvern  Laburista  għall-ġid  ta’  Malta  u  l-Maltin.  Ma  jistax  jibqa’  jħalli  erba’  fanatiċi  joħolqu  klima  ta’  mibegħda  bejn  il-partitarji  tal-partiti  politiċi  avversarji.

    Il-politika  tista’  tkun  sabiħa  ħafna  wkoll  jekk  kollha  niġbdu  ħabel  wieħed  għall-ġid ta’ pajjiżna  u  nirrispettaw  l-opinjonijiet  differenti  ta’  xulxin.