Home Xeni tal-films li m'għandhomx ikunu r-realtà tal-Maltin

    Xeni tal-films li m’għandhomx ikunu r-realtà tal-Maltin

    2 minuti qari

    Għalkemm huwa fatt li f’kull pajjiż ikun hemm livell ta’ kriminalità li l-awtoritajiet iridu ta’ kuljum jaħdmu biex iwaqqfu u jipprevenu. Bħalissa, f’Malta, qegħdin f’sitwazzjoni bla preċedent.

    Saret realtà kerha li kuljum nisimgħu stejjer wara stejjer ta’ kriminalità li qed tħasseb lil ħafna nies. Minn storja fil-ġimgħa, sfortunatament drajna nisimgħu tnejn jew tlieta kuljum, bl-aħħar waħda tkun il-ġlieda kbira fil-Marsa. Litteralment xeni tal-films li m’għandhomx ikunu r-realtà tal-familji Maltin. Din il-ġimgħa smajna wkoll każ ta’ serq minn anzjani saħansitra waqt li qegħdin il-quddies u każ ieħor ta’ raġel li hedded u rrikatta tfajla taħt l-età biex ikollha x’taqsam miegħu.

    F’dan il-każ tal-aħħar kont diżgustat b’dak li sirt naf li għaddiet minnu din it-tfajla. Meta l-persuni li jagħmlu reati bħal dawn ikunu barranin jew mhumiex ta’ ċittadinanza Ewropea, m’għandna l-ebda obbligu li nittolleraw il-preżenza tagħhom f’pajjiżna.

    Nemmen li l-akkużat, jekk jinstab li huwa ħati ta’ dawn l-atti, għandu jiġi deportat minn pajjiżna hekk kif jiskonta s-sentenza tiegħu. Dan huwa xieraq biex niżguraw li min mhux denju li jkun resident f’pajjiżna ma jkomplix jitħalla jagħmel li jrid, b’detriment għaċ-ċittadini Maltin u Għawdxin, u anke dawk barranin li jaħdmu f’pajjiżna b’rispett sħiħ lejn il-liġijiet Maltin. Naqbel ma’ dak li qal il-Maġistrat Joe Mifsud f’iktar minn istanza ważda, fejn talab li barranin li jinstabu ħatja ta’ reati għandhom jiġu deportati meta jiskontaw is-sentenzi ta’ priġunerija f’Malta.

    Huwa ovvju li għalkemm miżuri effettivi, dawn weħidhom mhumiex biżżejjed biex insolvu l-problema tal-kriminalità f’pajjiżna, li kull ma jmur qed tikber – però hija għodda li nistgħu nużaw bħala parti mis-soluzzjoni biex ikollna kontroll xieraq għall-paċi pubblika f’pajjiżna. U għodda bħal dawn għandna nużawhom b’mod effettiv kemm jista’ jkun.