Home 7-star: aħjar nidħku flok nibku

    7-star: aħjar nidħku flok nibku

    4 minuti qari

    Il-potenzjal hemm qiegħed biex Malta tkun 7 star. Imma, hemm mod u kif tuża l-potenzjal li hu tagħna lkoll.

    Ninsab fuq btala barra minn xtutna. Kważi qattajt is-sajf. Din hi l-ewwel darba li domt daqshekk.

    Ninsab fuq xtajta mrammla lewn id-deheb. Il-baħar kaħlani hu safi u ħaj. Il-buffuri tar-riħ huma ġentili u l-arja hi friska tant li faċli ittiegħem l-imluħa.

    Intfajt tuli mal-art wiċċi ‘l fuq inħares lejn l-orizzont. Ma kontx ippreparat li ngħum. Jien u Marlene konna qed insuqu, u hekk kif għaddejna minn dan il-post, iddeċidejna li nieqfu. Hi kienet marret mixja max-xatt. Ir-ramla kienet baħħ. Fil-bajja, jifirdu l-ilmijiet, dehru windsurfer u boardsurfer. Anke l-gawwi donnu kien mistrieħ.

    ‘Gvern ġdid imexxi flus il-poplu b’responsabbiltà u għaqal, iggwidat mill-valuri ta’ kontabbiltà, trasparenza u ġustizzja soċjali… il-Gvern inaqqas il-ħela u jagħmel b’inqas.’ Hekk kienet il-wegħda fil-manifest elettorali. Taret mar-riħ.

    Il-Gvern tfixkel f’saqajh stess. Il-prinċipji, il-governanza, il-prassi … marru l-baħar. Sirna esperti kif induru mal-lewża b’miżuri anti-legali …u bi skuża jew oħra nbenġlu l-affarijiet li ma sarux. Kos, min hu negattiv?

    Il-ġimgħa li għaddiet kienet oħra, fost oħrajn, bil-Prim Ministru jgħidilna li hu kontra l-Establishment meta hu l-Establishment stess; is-Segretarju Parlamentari tad-Djar jistaħba wara subajgħ u jgħid li l-Gvern ma kellux €50 miljun għall-Housing; ir-‘rigal’ li suppost ingħata lill-poplu Malti spiċċa ngħata f’kuntratt no deal  ta’ San Vinċenz mis-Segretarjat tal-Anzjani; inkixef il-fatt li l-Gvern ħeba fatti dwar l-akkuża ta’ 17 Black; il-Ministru Herrera ħoloqsmokescreen dwar id-daħna tossika min-nirien tal-Magħtab.

    Dawn huma lkoll sintomi li l-għaqal twarrab, l-inkompetenza żdiedet u l-qerq qed jiżdied.

    Cartoon: Steve Bonello

    F’dan il-mument ftakart f’dak li tella’ l-artist Steve Bonello b’mod komiku. Turi l-patoloġija tal-marda li pajjiżna jinsab fih. Il-Gvern spiċċa jinqela f’żejtu u l-potenzjal tagħna lkoll mhux qed jintuża b’mod tajjeb. Għandna ġawhra ta’ pajjiż u talent bla qies, iżda mhux qed jiġi sfruttat.

    Inħares laġemba, u nilmaħ lil Marlene tigref ir-ramel b’qasba qasira. Kienet qegħda fil-parti fejn ir-ramel kien għadu mxarrab wara li kien niżel il-baħar bit-tide. Donnha kienet qed tpinġi xi ħaġa.

    Qomt minn fejn kont u mxejt għal tarf ix-xatt biex nersaq lejha. Għall-ewwel darba, indunajt li x-xtajta kienet miżgħuda arzell u hekk, pass wara pass inċafċaf sal-għekiesi fl-ilma, ersaqt lejha niġbor l-arzell f’ħoġri.

    Kienet qegħda tikteb taqbila fuq ir-ramel. Ħallejtha tispiċċa u qrajtha.

    Semmiet it-taqbila: 7 star

    Ħallikom milli tkunu negattivi
    Tal-Labour fittxu obdu d-direttivi
    Daqshekk in-narrattiva tal-5 star

    Dawk jaqq,

    “Illum nitkellmu 7-star

    Mal-pakkett bnin
    Of living fl-aqwa żmien
    Inżidu xi ftit treats
    Mingħajr dewmien
    Naħarqu tagħna l-waste
    To keep things clean
    Lin-nies ngħidulhom
    ‘Żball ‘aqtagħha xbin
    Jekk tridu tmorru l-work
    Put on your mask
    Buttardi trid tkun din
    Għax l-oħrajn fjask

    Itgħallmu darb’għal dejjem
    La tgergrux
    Ikkuntentaw bis-surplus
    U tmerux

    Qegħdin nagħmlulkom
    pjan fenomenali
    Biex ħwejjeġ gravi hekk
    Taraw banali.

    L-istress joqtolna żgur
    U mhux  the air
    Li twaħħlu kollox fina
    Żgur mhux fair

    Biex żgur
    Ma narawkomx
    taqgħulna down
    Bil-praspar li nagħmlulkom
    agħar minn dawn

    Solution sibna żgur
    ħafifa rixa:
    Qegħdin inħawlu
    Meded ta’ ħaxixa
    Għax taħdem aktar fast,
    Aħjar mix-xixa.

    Imagine jekk
    Bħall-Magħtab jieħdu n-nar
    Filkaż no need for mask
    Għall-buzz mill-kbar.”

    Tbissimt u nfqajt f’daħka minflok bkejt. Lill-pajjizi ma nibdlu b’xejn.