Home Mentalità kolonjali

    Mentalità kolonjali

    2 minuti qari

    Minkejja li ninsabu  fis-sena  2018, għad hawn fostna bosta li għadhom b’mentalità kolonjali, sfortunatament anke parti mill-midja lokali. Tiskanta meta wieħed jiftakar illi  ilna indipendenti mill-1964.

    Nieħdu bħala eżempju meta naraw rapporti fil-midja lokali għax Malta tkun issemmiet f’xi  pajjiż ieħor. Ġieli jkunu okkażjonijiet tal-ebda importanza imma hawn Malta jiġu rrappurtati bħallikieku għamilna xi kisba kbira nazzjonali!  –  Niftakar li fl-14 ta’ Mejju 2015, diversi sorsi tal-aħbarijiet hawn Malta rrappurtaw bi prominenza li isem Malta deher fl-Istadju Bernabew f’Madrid waqt logħba futbol bejn Real Madrid u Juventus.  “Isem Malta fil-Bernabew”,  “Malta tidher fil-Bernabew ukoll” kienu fost it-titli  ta’ dawn ir-rapporti banali u patetiċi.

    Dan  kollu  għaliex  xi  partitarji  Maltin  tat-tim  Taljan  kellhom  banner  bl-isem  ta’  Malta  u  dawn  il-partitarji  dehru  f’xi  filmati  fuq  it-televiżjoni  Taljana.  Imma  kemm  għad  għandna  mentalità kolonjali!  – Nifirħu bix-xejn u nagħmlu ħafna għaġeb, sempliċement għaliex  nissemmew  minn  ħaddieħor  ikbar  minna!  –  L-istess  bħal meta Malta tissemma f’xi  rivista  barranija,  għaġeb  sħiħ  mill-midja lokali għax  semmew  isem  Malta!

    Hemm  bżonn  nikbru  u  jkollna  sens  ta’  kburija  u  dinjità nazzjonali.  Dan japplika  ħafna  wkoll  għall-mod  kif  sirna  nikkupjaw  lill-Ewropej  f’kollox  kemm  ilna  li  sirna  membri  tal-Unjoni  Ewropea.  La  hekk  isir  fl-Ewropa,  mela  tajjeb.  Qed  narmu  l-valuri  Nsara  tagħna  bħall-Ewropej,  qed  insiru  materjalisti  bħall-Ewropej.  Hemm  min  anke,  bħal  fl-imgħoddi,  taparsi  nesa  kif  jitkellem  bil-Malti  għax  mingħalih  li  jekk  jitkellem  bl-Ingliż  biss  jidher  li  hu  superjuri,  li  hu  ta’  klassi.

    Żmien  il-kolonjaliżmu  għadda  imma  l-mentalità kolonjali għadha magħna.  Ejjew  niftaħru  b’dak  li  hu  tagħna,  bl-identità nazzjonali tagħna, bl-Ilsien Nazzjonali tagħna, bis-suċċessi  ekonomiċi,  kulturali  u  soċjali  tagħna.  B’dak  li  hu  verament  Malti  u  mhux  imitazzjoni  fqira  u  patetika  tal-barrani.