Home Il-politika u l-kultura

    Il-politika u l-kultura

    2 minuti qari

    Il-Biennale tal-Arti ta’ Venezja hi ċelebrazzjoni ta’ arti, kultura, arkitettura, żfin, ċinema, teatru u storja, fost oħrajn. Malta reġgħet bdiet tieħu sehem f’din l-attività u din hi xi ħaġa pożittiva.

    Biss, fl-aħħar jiem smajna kif iċ-Chairman tal-Kunsill għall-Arti Albert Marshall warrab għal kollox il-proċedura propja stabbilita għall-għażla tal-padiljun ta’ Malta fil-Biennale tal-Arti ta’ Venezja. U minflok, mexxa bl-għażla preferuta tiegħu. Din hi xi ħaġa għal kollox inaċċettabbli.

    Il-politika m’għandha qatt tintuża għal dan l-iskop. Nifhem il-weġgħa u d-diżappunt tal-artisti Maltin. Il-kultura m’għandiex tintuża għal skopijiet politiċi. Jekk xejn, għandha tisma’ u tara li tgħin biex tindirizza l-isfidi li jesperjenzaw dawk li huma involuti fil-qasam tal-Kultura.

    Bħala membru tal-Kumitat tal-Kultura fil-Parlament Ewropew qiegħed infittex li nagħmel dan. Qed nenfasizza għal ħlas xieraq għall-artisti Maltin u Għawdxin inkluż meta dawn ipoġġu materjal fuq Youtube.

    Se nkompli naħdem f’risq il-qasam kulturali. Fl-aħħar jiem, ingħatajt l-inkarigu li nagħti kontribut fit-tfassil tal-politika l-ġdida Ewropea fil-qasam tal-kultura. Hu qasam ferm għal qalbi u jolqot ħafna artisti Maltin u Għawdxin li għalihom dan il-qasam hu l-għixien tagħhom. Barra minn hekk, iċ-ċittadini Maltin ukoll ifittxu l-kultura bħal festivals, kunċerti u materjal awdjoviżiv biex jirrikreaw ruħhom.

    Se nenfasizza fuq aktar opportunitajiet ta’ skambji u safar għall-artisti Maltin sabiex il-films Maltin u Ewropej ikunu aktar disponibbli fl-iskejjel tagħna. Se naħdem favur aktar opportunitajiet ta’ taħriġ u studju fil-qasam kulturali, u sabiex il-patrimonju tagħna jkun preservat aħjar u jkun aktar disponibbli billi jiġi kkonvertit f’forom diġitali. Se naħdem fuq kollox sabiex ikun iktar faċli li wieħed isib informazzjoni u japplika biex jibbenefika mill-fondi Ewropej relatati mal-kultura.

    Irrid nisma’ wkoll lil dawk kollha involuti u għalhekk qiegħed nagħmel laqgħa ta’ konsultazzjoni fuq dan is-suġġett nhar il-Ġimgħa fis-7 ta’ filgħaxija fl-uffiċċju tiegħi fil-Mosta.

    Żur is-sit www.franciszammitdimech.eu għal aktar informazzjoni.