Home Iż-żabra

    Iż-żabra

    4 minuti qari

    Kont fuq sellum għoli mserraħ ma’ palma.  Bi mqass taż-żabra kbir kont qed inneħħi n-niexef. Kultant kelli nixxabbat biex nilħaq il-weraq mejjet ta’ fuq nett. Kellha wisq weraq minn tal-istaġuni li kienu għaddew li ma kinux tneħħew. Forsi ta’ qabli kien beża’ jieħu riskju minħabba l-għoli. Għal diversi drabi qandilt is-sellum u serraħtu mad-dawra tagħha biex nagħtih riġel.  Wara xi sagħtejn kont dortha dawra sew u dak li xtaqt inwettaq, kont għamiltu. Kellha wisq niexef.

     ‘Żabra f’waqtha dejjem tagħmel tajjeb. Warajha s-siġar u l-arbuxelli jieħdu r-ruħ. Terġa’ tingħata l-ħajja u jitla’ l-ġdid.’ Hekk ħsibt waqt li kont nieżel l-iskaluni waħda waħda biex immiss saqqajja fis-sod mal-art. L-istess bħal ħaxix ħażin, ikun irid jitnaqqa biex wiċċ ir-raba’ jieħu r-ruħ.

    Ġbart iż-żabra f’qatta waħda u erfajt is-sellum f’postu.

    Huma l-għażliet li nagħmlu li jagħrfuna. Il-ħazin qatt ma jista’ jingħad li hu  tajjeb. Iddur fejn iddur imċappas tibqa’, jekk għemilek ma jkunx refa’ r-responsabbiltà ta’ dak li hu sew. Tista’ tagħmel ħafna ġid fil-ħajja pubblika jew tul iż-żmien ta’ leġislatura iżda jekk timxi irregolari u mod skorrett, tixxellef.

    Il-komportament ta’ gvern li jħaddem governanza tajba hi dejjem mistennija daqs il-ħobż. Il-gvern tal-Prim Ministru Joseph Muscat f’dan ir-rigward żelaq fin-nixef u mhux hekk biss, iżda ma żabarx.

    Dan hu gvern li għaddas rasu u baqa’ għaddej. Wiegħed mod, bl-għajta ta’ Malta tagħna lkoll u għamel mod ieħor. Wiegħed l-aqwa żmien u doqna x’jiġifieri u għal kien indirizzat l-aqwa żmien. Kien hemm bżonn żabra u ma saritx u spiċċajna ngħaffġu fil-ħama, anzi f’ċertu ċirkostanzi dak li hu tajjeb twarrab.

    Il-kariga tal-Oppożizzjoni wkoll iġġorr responsabbiltà għal dak li hu sew. Ħidmitha hi li tiskrutinja b‘mod kostruttiv t-tmexxija tal-pajjiż mill-gvern. Imma dan qed jitwettaq? Fil-fehma tiegħi qegħdin ‘il bogħod.

    Hemm ċirkostanzi fejn it-tmexxija tal-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista huma sħab fl-ghemil. Dan jidher meta d-direzzjoni tal-PN ma tlissen xejn jew titlajja biex tesprimi fehmietha.

    Se nsemmi xi eżempji tal-aħħar ftit xhur biex niftiehem. Il-proġett ta’ DB group fl-art mibjugħa bi ħbub f’Pembroke, it-tkabbir taż-żona ta’ akwakultura fl-ibħra tagħna, il-proġett tal-offerta ‘rigal’ biex jinbnew is-swali ta’ San Vinċenz. Kollha juru xamma ta’ intriċċi u interessi. Jidher li hemm bzonn żabra.

    Imma wkoll ta’ min isemmi, kif aġixxa l-kap tal-Oppożizzjoni dwar l-inkjesta tal-Egrant meta l-inkjesta tal-maġistrat mhix ippubblikata jew dwar dak li ġie żvelat minn barra minn xtutna dwar 17 Black. Is-silenzju jidwi. Jidher li hawn ukoll, hemm bżonn żabra.

    Pajjiżna għaddej minn żmien mhux tas-soltu, ċirkostanzi xejn normali. Biex tgħaxxaqha l-intolleranza żdiedet u kollox sar qisu xejn mhu xejn.

    Imma l-aktar li tinkwetani hi r-ruħ soċjali. Illum għandna soċjetà li mhux dejjem hi ġusta. Il-pjaga tal-housing li ġab il-gvern PL fuqna u t-tariffi tal-kirjiet jixhdu ġerħa soċjali. Id-distakk li kull ma jmur qed iżid bejn min jaqlagħha sew u min jaqlagħhiex jikolha, qabeż qabża ta’ ġgant.

    Ħaġa li tolqotni fil-laham il-haj, hi l-biża’ ta’ bosta biex jesprimu dak li hu sew.

    Ħarist madwari. Ilmaħt tfiefa ħierġa dritta dritta minn arbuxell. Tbissimt. Minkejja ż-żabra pulita tal-arbuxell, il-ħaxix ħażin xorta  jista’ jsaltan.

    Hekk fil-ħajja. Iż-‘żbir’ hu dejjem importanti imma fl-aħħar mill-aħħar hi l-edukazzjoni formattiva li tkabbar dak is-sens ċiviku u l-etika li jiggwidawna f’ħajjitna u jbegħduna mill-ħażin.

    Jien għandi tama, għalkemm għandna bżonn theżżiża. Jien għandi fiduċja fil-poplu tagħna.

    Jekk nimxu bi pjan u viżjoni ċara ta’ soċjetà    ġusta fejn kulħadd jgħix ta’ nies, igawdi saħħtu u jħossu moħħu mistrieħ f’pajjiżu, għandna nilħqu l-għanijiet ewlenin ta’ tmexxija tajba għax hi miżbura.