Home Dmir u Dover

    Dmir u Dover

    2 minuti qari
    Arkivji/DOI-Reuben Piscopo

    Meta tisma’ lill-Ministru għall-Finanzi ta’ Malta Edward Scicluna jindirizza l-problemi ta’ reputazzjoni u mismanagement li qed jaffaċja ta’ kuljum, tibda taħseb li forsi ngħixu f’realtajiet differenti.

    Kull meta joħroġ xi rapport minn aġenzija finanzjarja li l-Ministru jinterpretah bħala pożittiv, ikun minn tal-ewwel li jieħu l-mertu. Però, meta, kif qed isir ħafna f’dawn l-aħħar xhur, joħroġ biċ-ċar li l-Ministru falla fid-dmirijiet u d-doveri tiegħu biex jassigura li l-qasam finanzjarju ma jibqax jiġi mminat, hemmhekk Edward Scicluna jaħsel idejh u jippunta subgħajh lejn kulħadd barra lejh innifsu.

    Huwa denju li niftakru li huwa d-dmir u d-dover tal-Ministru li jassigura li stejjer bħalma huma dawk ta’ Pilatus Bank – bank kreat bi flus illegali bil-għan li jaħsel il-flus għall-ogħla nies fil-Gvern – u Nexia BT – kumpanija li xogħolha milli jidher huwa li jassisti fl-istess ħasil ta’ flus – ma jseħħu qatt.

    L-Awtorità Bankarja Ewropea kkonfermat in-nuqqasijiet tal-MFSA u l-FIAU f’dawn il-każijiet, filwaqt li l-MFSA ħadet passi biex twaqqaf l-operat ta’ Pilatus Bank. Issa nafu wkoll kif Nexia BT kienu min dejjem fiċ-ċentru ta’ diversi każi ta’ ħasil ta’ flus u korruzzjoni, u minkejja l-ħsara li dan jagħmel lis-settur finanzjarju lokali, ma ttieħdu l-ebda passi kontrihom.

    Il-ħtif ta’ awtoritajiet regolatorji huwa kkonfermat mill-fatt li Nexia BT għadha topera bis-sħiħ bla ebda konsegwenzi.

    Il-Ministru baqa’ sieket. U kien għalhekk li jien ktibt u sħaqt mal-Accountancy Board ta’ Malta li hemm bżonn li l-aġir tal-kumpanija favorita ta’ Kastilja ma jitħalliex għaddej qisu xejn mhu xejn. Diġà rajna l-konsegwenzi ta’ meta ma jsir xejn – ta’ meta n-nies responsabbli ma jaqdux id-dmirijiet u d-doveri tagħhom.

    Nispera li nitgħallmu minn dawk il-lezzjonijiet qabel ma jerġa’ jkun tard wisq.