Home L-iskart? Problema?

    L-iskart? Problema?

    4 minuti qari

    Ftit iktar minn sena ilu, kont ktibt fuq dan il-blogg rigward il-problema tal-iskart, problema li kulma jmur qiegħda dejjem tikber.

    Ċifri tal-Eurostat tal-2016 jindikaw li Malta qiegħda tiġġenera madwar 621 kilogramma ta’ skart domestiku għal kull individwu fis-sena. Dan huwa ammont ferm iktar għoli mill-medja Ewropea ta’ 483 kilogramma għal kull persuna. F’pajjiżna, inqas minn 10% tal-iskart qiegħed jiġi rriċiklat, meta kkumparat mal-44% ta’ skart li jiġi rriċiklat fuq livell Ewropew. Illum Malta tinsab fir-raba’ post fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li l-iktar li jiġġeneraw skart per capita.

    Fl-istess ħin, statistika riċenti oħra tal-Eurostat tindika li l-ammont ta’ enerġija ġġenerata f’Malta minn sorsi rinovabbli hu ta’ madwar 6%, li huwa ammont ferm baxx meta kkumparat mal-medja ta’ 30% fil-pajjiżi Membri.

    Dawn iċ-ċifri, u oħrajn, juruna stampa inkwetanti – għad baqa’ ħafna xi jsir, b’mod partikolari fir-rigward tal-edukazzjoni u l-għarfien tal-Maltin dwar dawn il-materji. Għaliex jekk ma nkunux aħna, iċ-ċittadini, li ma nagħtux ukoll is-sehem tagħna sabiex intaffu dawn il-problemi, se nispiċċaw f’sitwazzjoni fejn il-problemi tal-iskart u ta’ nuqqasijiet oħra relatati mal-ambjent ta’ madwarna se jirkbuna, u jista’ jkun tard wisq biex naġixxu b’mod li jkun sostenibbli u li jikkawża l-inqas ħsara.

    Illum, l-ewwel jum ta’ Ottubru, in-Nazzjonijiet Magħquda jikkommemoraw il-Jum Dinji dwar l-Abitat (World Habitat Day), permezz tal-programm UN-Habitat. Illum, il-pajjiżi tad-dinja kollha huma mistiedna sabiex jaħsbu b’mod konkret dwar kif jistgħu jbiddlu l-attitudnijiet taċ-ċittadini tagħhom sabiex jitnaqqas l-iskart u r-rimi tal-iskart barra (littering), u kif nistgħu nżidu l-ammont ta’ skart li jiġi rriċiklat u dak li jerġa’ jintuża għal skopijiet oħra. Hemm bżonn ukoll li nħarsu lejn il-problema tat-tniġġistal-baħar, kif ukoll il-problemi li jġib miegħu l-iżvilupp mgħaġġel li qegħdin nesperjenzaw f’dawn l-aħħar snin.

    UN-Habitat temmen li waħda mis-soluzzjonijiet għal dawn il-problemi hi li kull pajjiż ikollu Strateġija Integrata dwar l-Immaniġġjar tal-Iskart, li jkun jinkludi servizzi tajbin tal-ġbir tal-iskart, protezzjoni ambjentali permezz ta’ trattament adekwat tal-iskart, l-immaniġġjar tajjeb tar-riżorsi, u soluzzjonijiet oħrajn li jinkludu wkoll intrapriżi żgħar fil-katina tar-riciklaġġ. UN-Habitat tisħaq ukoll fuq il-bżonn ta’ attivitajiet li jtejbu l-edukazzjoni taċ-ċittadini, kif ukoll il-ħtieġa li l-gvernijiet lokali jingħaqdu mas-soċjetàċivili u gruppi ambjentali sabiex jiżdied l-għarfien b’mod partikulari fl-iskejjel.

    Il-Pjan dwar l-Immaniġġjar tal-Iskart għall-Gżejjer Maltin kien ippropona strateġija għall-perjodu 2014 – 2020. Numru ta’ miżuri f’dan il-Pjan ġew, jew qed jiġu, implimentati. Oħrajn, iżda, baqgħu jeżistu biss bħala kliem fuq il-karta. Hemm bżonn urġenti li dan il-Pjan jiġi rrivedut, sabiex jiġi aġġornat fid-dawl tar-realtà ekonomika kurrenti, iż-żieda fil-popolazzjoni, il-mod kif nikkunsmaw, u s-sitwazzjoni attwali tas-siti għar-rimi tal-iskart.

    Nagħlaq b’dan il-kliem minn Laudato Si, l-Enċiklika tal-Papa Franġisku: “Kull sena jinħolqu mijiet ta’ tunnellati ta’ skart, ħafna minnu mhux bijodegradabbli: skart domestiku u kummerċjali, skart tal-kostruzzjoni, skart kliniku, elettroniku jew industrijali, skart velenuż u radjuattiv ħafna.  Id-dinja, id-dar tagħna, donnha qed tinbidel dejjem iżjed f’depożitu kbir ta’ żibel. Għadu ma rnexxilniex nadottaw mudell ċirkulari ta’ produzzjoni li jiżgura riżorsi għal kulħadd u għall-ġenerazzjonijiet ta’ warajna, u li jitlob minna li nillimitaw kemm nistgħu l-użu tar-riżorsi mhux rinnovabbli, nimmoderaw il-konsum, u nżidu l-użu effiċjenti, l-użu mill-ġdid u r-riċiklar.  Jekk naffrontaw din il-kwistjoni, inkunu nsibu mod kif neħduha kontra l-kultura tal-iskart li qed tispiċċa tagħmel ħsara lill-pjaneta kollha kemm hi, imma nosservaw li l-progress f’din id-direzzjoni għadu skars ħafna.”

    Il-Perit Simone Vella Lenicker hija l-Viċi President tal-Kamra tal-Periti, perit prattikanti u attivista favur l-ambjent.