Home ‘U ejja!’... check mate

    ‘U ejja!’… check mate

    4 minuti qari

    Qiegħed il-Parlament, fil-kamra tad-deputati. L-apatija tinħass sew. In-nuqqas ta’ partiċipazzjoni ta’ xi deputati mill-back bench hi evidenti. Il-kamra hi kważi vojta. L-eżekuttiv, ħlief għal ministru wieħed, lanqas biss jissaporti fil-kamra. Anke għall-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari tliet membri tal-Eżekuttiv biss kienu f’posthom għal din is-seduta. Hemm ċertu ministri donnhom għandhom ir-riħ fil-qala filwaqt li oħrajn jidħlu u joħorġu mill-kamra qishom vleġġa. Lanqas biss jissapportu fl-għeluq tagħha.

    Tħares ‘il fuq lejn il-gallarija tal-mistiedna tilmaħ aktar baħħ. Fil-kamra qisu hawn atmosfera ta’ soffokazzjoni u ħafna huma l-membri li qed jaħarbu l-post. Donnu kulħadd irid iqatta’ ħin mill-anqas. Forsi dik hi l-intenzjoni tal-gvern? Tgħid irnexxielu? Li hu żgur hu li l-Prim Ministru rnexxielu jdgħajjef l-Oppożizzjoni Nazzjonalista. Anzi firidha. 

    Hu fatt li l-proċedura tal-Kamra hi ddettata mill-eżekuttiv għax l-ordnijiet permanenti, mhux talli ma jħarsux l-interessi tat-tielet partit rappreżentat fil-kamra, talli ċertu klawsoli antikwati jħarsu biss id-dritta tal-Gvern u jinjoraw l-Oppożizzjoni.

    L-iskrutinju tal-operat tal-Gvern ma jeżistix mill-back bench Laburista. Donnu l-ħalfa lir-Repubblika nsewha. U bir-raġun, għax għall-ewwel darba għandna Gvern li b’xi mod jew ieħor il-membri kollha għandhom xi kuntratt mal-gvern jew imexxu xi entità governattiva, barra li huma rappreżentanti tal-poplu. Ejja ngħiduha kif inhi, jekk jikkritikaw l-operat tal-eżekuttiv u jgħidu dak li għandu jingħad, ikollhom x’jitilfu. Dik hi l-mentalità. L-ewwel il-but, wara l-lealtà lejn il-partit u fl-aħħar Malta.

    Inħares lejn il-back bench Nazzjonalista u b’diżappunt ninnota li xi wħud donnhom qatgħu qalbhom jew qed jistennew xi miġja ġdida jew forsi xi qawmien ġdid. Ħasra li ma qabdux il-barri minn qrunu. Sadanittant, id-demokrazija f’Malta qed tegħreq. Donnu l-Prim Ministru tefagħhom f’check mate.

    Ħadd ma jista’ jgħid li progress f’pajjiżna mhux qed isir, iżda hu żgur li dan mhux qed isir f’direzzjoni ta’ responsabbiltà politika. Il-prinċipji tal-għaqal u bżulija intesew. Is-sostenibbiltà ta’ pajjiżna saret buzz word.

    ‘U ejja!’ Dik hi r-risposta li bosta jagħtuk.

    Ninnota wkoll li Muscat-PL u Delia-PN jaraw lill-Oppożizzjoni PD bħala skalda f’saqajhom… għax il-PD dejjem kellu rajh f’idejh dwar l-interessi ta’ Malta u l-ġid komuni tal-Maltin u Għawdxin. Nitkellmu bla kantunieri, għax m’aħniex maħkuma minn wegħdiet ta’ negozjati minn taħt.

    Il-kelliem fil-pussess f’dan il-ħin tas-seduta donnu kien qed jitkellem waħdu. Dawk il-membri waħdiet fil-plenarja ftit li xejn kienu qed jagħtu widen għal dak li qed jingħad. Imma l-kelliem kien jaf li l-kamera kienet mixħuta fuqu u għaldaqstant kompla jesprimi fehmtu dwar l-abbozz li kien qed jiġi diskuss. Wara kollox, ħadd mill-kelliema ma jkun jaf min ikun qed jsegwi mill-kumdità ta’ daru.

    Kont qed nisma’ u nifhem lill-kelliem, iżda fl-istess ħin kont, għal darb’oħra, qed  naqra xi punti li kont ippreparajt dwar l-abbozz qabel ma nieħu l-pussess tal-kamra jien. Dalwaqt kien se jmissni.

    Għafast apps tat-tablet bi żball u spiċċajt ħriġt minn fejn kont u dħalt f’applikazzjoni oħra. Tela’ ritratt.

    Tbissimt. Ftakart fis-sabiħ tal-ħajja. Kont irqadt mixħut fix-xemx għall-arja tal-baħar. Kien ritratt li kienu ħaduli mingħajr ma ntbaħt fl-aħħar tal-vaganzi tas-sajf. Ma kontx Malta. Kien kelli għażla bejn it-tablet li kien spiċċa fuq żaqqi, lest biex nikteb il-blogg, u l-ktieb li kont qed inqalleb fih. Kien jisimu ‘The Rules of Life’ ta’ Richard Templar. Ktieb b’kitba mexxejja  li jirrigwarda l-għarfien kif persuna għandha tgħix aħjar, aktar kuntenta filwaqt li tikseb suċċess.

    Hemm ħafna x’nixtarru u nitgħallmu… u dejjem nibqgħu nitgħallmu. Hawn min jaħseb li se jgħix għal dejjem. Ħajja waħda għandna.

    Min jabbuża mill-poter qatt ma jorqod b’rasu mistrieħa. Eżatt bħal ħalliel.