Home Baġit 2019: Dikjarazzjoni ċara favur Għawdex

    Baġit 2019: Dikjarazzjoni ċara favur Għawdex

    3 minuti qari

    Din il-ġimgħa, il-Ministru għall-Finanzi qara d-diskors tal-baġit. Dan huwa proċess li jieħu xhur sħaħ ta’ preparamenti u diskussjonijiet biex nassiguraw li nressqu proposti li jkunu mmirati lejn problemi speċifiċi u wkoll lejn kategoriji speċifiċi. Irrid nistqarr li l-proposti li ressaqna bħala Ministeru għal Għawdex għaddew minn proċess sabiħ ħafna ta’ konsultazzjoni ma’ stakeholders differenti u ma nistax ma nesprimix is-sodisfazzjon tiegħi li kważi l-proposti kollha li ressaqna bħala Minsiteru ġew ikkunsidrati u mħabbra nhar it-Tnejn li għadda. Fuq kollox, nhar it-Tnejn inqara diskors li jkun fih il-punti ewlenin u ma jkunx ikopri kollox. Filfatt jekk wieħed ikollu jdur l-estimi isib aktar dettalji li juru it-titjib maħsub.

    Żgur li Għawdex mar tajjeb ħafna u filfatt bħala Ministeru kellna żieda fil-baġit ta’ kwazi €14-il miljun fejn għall-ewwel darba se nkunu f’pożizzjoni nagħmlu proġetti u inizjattivi ġodda.

    Miżuri għal qalbi ħafna kienu dawk relatati mal-ħaddiema u studenti Għawdxin li naf kemm jiffaċċjaw sfidi ta’ kuljum. Jien dawn nifhimhom għax għexthom u għadni ngħixhom sal-lum u allura filwaqt li tkellimna mal-għaqdiet tal-ħaddiema u tal-istudenti u rajna li qegħdin fuq l-istess binarju, għamilt argument b’saħħtu li ġie aċċettat u ta’ dan nirringrazzja lill-Ministru għall-Finanzi. Għalhekk issa permezz ta’ dawn il-miżuri l-ġodda, il-ħaddiema Għawdxin, kemm tal-Gvern u kemm li jaħdmu fis-settur privat, se jkunu intitolati għar-rifuzzjoni tal-biljett tal-valur kif ukoll bħala l-ewwel pass, il-ħaddiema tal-Gvern ser jingaħtaw €1.50 kuljum biex iħallsu għat-trasport kollettiv.

    Flimkien ma’ dan hemm ukoll il-miżura li l-istudenti issa se jibdew jibbenefikaw mis-sussidji tal-kera mogħtija mill-Awtorità tad-Djar. Dan flimkien ukoll ma’ proġetti li se nkunu qed inħabbru dwar l-akkomodazzjoni għall-istudenti Għawdxin.

    Miżura oħra għal qalbi hija dik dwar il-pazjenti li jmorru Malta għat-trattament, fejn issa l-biljetti tal-vjaġġ b’xejn ser jingħataw ukoll lill-adult li jakkumpanja lill-pazjent u ser ikun hemm ukoll allowance għall-akkomodazzjoni. Dettalji dwar eligibilità se jingħataw dalwaqt u rrid ngħid li se nkunu qed nibnu fuq l-esperjenza li ksibna minn diversi każijiet u minn sena għall-oħra. Pero żgur li saret dikjarazzjoni ċara ta’ kemm dan il-Gvern huwa sensittiv għat-tbatija tal-persuni.

    Nerġa’ ngħid li fid-diskors tal-baġit li nqara mill-Ministru għall-Finanzi ma jkunx hemm kollox iżda imbagħad inkun nista’ nelabora aktar waqt il-jum li jkun iddedikat u ffukat dwar il-miżuri tal-estimi tal-Ministeru għal Għawdex li se jkun fis-7 ta’ Novembru fid-9am. Pero żgur li dan il-baġit kien dikjarazzjoni ċara u b’saħħitha favur Għawdex u l-Għawdxin.

    Tista’ ssegwi l-konferenza f’Għawdex li fiha l-Ministru Justyne Caruana tkellmet dwar il-baġit: