Home Plastik fil-baħar

    Plastik fil-baħar

    2 minuti qari

    M’għandnix għalfejn inmorru wisq il’bogħod biex nirrealizzaw kemm hi serja l-problema tal-abbundanza ta’ plastik li nsibu fil-baħar.

    Dan ir-ritratt meħud minn Jeremy Cardona juri xena xejn pjaċevoli f’pajjiżna. Irrid infakkar li fl-aħħar xhur kelmuni sajjieda rikreattivi li qasmu miegħi il-preokupazzjoni tagħhom fuq il-presenza ta’ plastik u xbieki abbandunati fil-baħar u l-effett dirett li jħalli fuq id-delizzju tagħhom.

    Fl-aħħar xhur rajna wkoll filmati ta’ persuni Maltin li sabu fkieren maqbuda fix-xbieki u plastik fl-ibhra Maltin.

    Jekk ma nieħdu l-ebda azzjoni, sal-2050 se jkun hemm aktar plastik milli ħut fl-oċeani. Billi pajjiżna huwa mdawwar bil-baħar, aħna l-Maltin għandna nkunu speċjalment imħassba dwar din l-istatistika.

    Illum fil-Parlament Ewropew ivvutajna favur miżuri sabiex il-plastik li jintuża darba biss jiġi ipprojbixxit fis-snin li ġejjin (2021) kif ukoll miżuri sabiex niġġieldu kontra l-apparat tas-sajd bħal xbieki u materjal tal-plastik li jintilfu fil-baħar.

    Il-miżuri li qegħdin nitolbu għandhom l-għan li jnaqqsu l-iskart tal-plastik. Dawn huma inizjattivi tajbin sabiex inkunu nistgħu ngħixu f’ambjent aħjar fejn il-plastik ma jkunx aktar ta’ tħassib għas-soċjetà u għall-ħajja marittima.