Home Ir-realtà tal-ħajja hi l-baġit

    Ir-realtà tal-ħajja hi l-baġit

    5 minuti qari

    Wara dak kollu li ntqal dwar il-baġit wasal iż-żmien li nibdew nixtarru l-miżuri u l-ħsieb warajhom u nqisuhom fi strateġija ta’ sostenibiltà ekonomika.

    Qiegħed mistrieħ fuq bank tal-ġebel taħt id-dell ta’ ħarruba. Iz-zokk u għeruqu jitkellmu waħedhom dwar l-għexieren ta’ snin li għaddew minn fuqha.

    Ftit tal-ħin ilu, qabel ma qbadt nikteb, kont qed naqra silta minn ktieb dwar il-filosofija Maltija miġbur minn Mark Montebello. Dan hu ktieb miktub b’mod mexxej miżgħud b’għerf dwar fehmiet friski ta’ diversi personaġġi Maltin tant li jagħtik aktar spazju biex tifli u taħseb.

    Ktieb bħal dan taqbdu u titilqu kemm-il darba u xi drabi jkollok tieqaf togħmod sew dak li jinkiteb. Kont qed niċċassa fil-bogħod tal-beraħ tal-madwar wara li qrajt “In most cases, few questions are answered in Malta, indeed, even fewer are allowed the space to be asked.”

    Smajt xi tħaxwix fil-weraq niexef biswit saqajja. Ħsibijieti taru. Flejt l-art u lmaħt gremxula.

    Iċ-ċentru tal-politika għalija hu l-bniedem u d-dinjità tiegħu b’mod li kull persuna għandha tingħata ċ-ċans li tilħaq il-milja tagħha. Għal xi wħud, iċ-ċentru tal-politika hu l-ekonomija u l-flus.

    Fil-politika, l-oqsma tal-ekonomija, l-ambjent u l-impatt fuq il-ħajja soċjali għandhom ikun dejjem ugwali fl-importanza li nagħtuhom u meta jitqiesu b’mod li jiġu minsuġa flimkien, huma jindirizzaw politika ta’ umanità, li l-qofol tal-ħidma tat-tlett oqsma flimkien ikun is-sostenibiltà. Hi s-sostenibiltà li tiggarantixxi prosperità fil-ġejjieni.

    Nitlobkom tħarsu lejn il-baġit u tixtarruh. Ifhmu sew u staqsu lilkom infuskom jekk dawn it-tlett oqsma għandhomx l-istess piż. Ftakru wkoll fattur importanti li l-ekonomija qed tikber u għandna surplus (dan hu tajjeb)…Fehmti nafha.

    Ser naqbad dawk il-miżuri tal-baġit li jindirizzaw l-akkomodazzjoni residenzjali. Ser nagħmel hekk biex nieħu eżempju u niddiskutuh flimkien imma wkoll għax il-blogg ta’ qabel dan kien wieħed qabel ma tħabbar il-baġit. Il-blogg kien tratta sitt miżuri fuq l-akkomodazzjoni residenzjali. Ħadt pjaċir ninnota li erbgħa minnhom, li l-Partit Demokratiku ilu jisħaq dwarhom, ġew addottati. Tajjeb ħafna.

    It-tnejn l-oħra, biex titwettaq ġustizzja soċjali u fairness, dik imlaqqma bħala taxxa soċjali u dik dwar ordni ta’ rekwiżizzjoni ta’ djar, b’dispjaċir ninnota li twarrbu.

    AQRA: Il-pjaga ta’ akkomodazzjoni affordabbli

    Ilna mill-anqas tliet baġits, wieħed wara l-ieħor,nistennew miżuri tajba f’dan il-qasam ta’ akkomodazzjoni, li jinkludi wkoll l-akkomodazzjoni soċjali. Ser niffoka fuq miżura li tolqot l-aktar lil dawkli ser jixtru l-ewwel dar tagħhom. Ġeneralment dawn huma koppji żgħażagħ ta’ bejn il-25 u l-35 sena. Skont l-indiċi globali tal-prezzijiet tal-propjetà, il-propjetà f’Malta f’perjodu ta’ għaxar snin għoliet b’45.6%.

    Skont il-Bank Ċentrali Ewropew (ECB), l-indiċi tal-prezzijiet tal-propjetà f’Malta fit-tieni kwart tal-2013 kien 90.10 (fil-bidu tal-leġislatura mmexxija minn Gvern Laburista) u fit-tielet kwart tal-2018 hu 115.05.

    Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) il-prezzijiet tal-appartamenti, maisonettes u terraced houses mill-2015 ’l hawn għolew bi 11%. Mill-ewwel kwart ta’ Jannar tas-sena 2017 għall-ewwel kwart tas-sena 2018, għolew bi 5.2 %. Il-Bank Ċentrali ta’ Malta wkoll jagħmel l-istess eżerċizzju iżda din id-darba fuq il-prezzijiet tar-riklamar tal-propjetà. Tiegħu għolew ukoll.

    Hemm ħaġa li l-ebda indiċi kwotat ma jikkalkula, anzi, jinjora: il-fatt li l-ispazju intern tad-djar mibjugħa ċkien minkejja li l-prezzijiet għolew. Barra minn hekk, ninnota wkoll li s-salarji ma għolewx bl-istess marġini ta’ rata għax il-formola taż-żieda tal-għoli tal-ħajja (COLA) ma tixhidx ir-realtà tal-mument, u allura għal xi wħud hi dejjem diffiċli immens biex jgħixu ħajjithom u fl-istess ħin ifaddlu u jixtru darhom.

    L-iskema proposta għal min ser jixtri daru hi marbuta ma’ ċifri tas-sena 2013 u teżentak mill-bolla tax-xiri fuq l-ewwel €150,000. Imma ejja nieqfu u naħsbu ftit. Hu fatt magħruf li l-prezzijiet tal-lum huma ferm ogħla minn dawk tal-2013 u persuna li ser tixtri dar għall-ewwel darba bħalissa ser tispiċċa tħallas aktar bolla minn xerrej li xtara fis-sena 2013. Ejja ngħiduha kif inhi. Ix-xerrej ser jiffranka xi ħaġa.

    Imma din il-miżura qed tħaddem politika ta’ ġustizzja, fairness soċjali u ta’ sostenibiltà?

    L-aġġustament tal-miżura hu wieħed denju biex kull familja Maltija u Għawdxija jkollha darha? Is-saħħa tal-flus (spending power) b’żieda ta’ €2.33 fis-salarji fejn twasslek?

    Jien naħseb li għal min ser jixtri daru, dan hu każ ta’ more for less ukoll.

    Din hi r-realtà tal-ħajja. Donnha qisha daħka fil-wiċċ għal min irid jixtri daru għall-ewwel darba.