Home Ir-reklami jinfluwenzaw l-għażliet tiegħek?

    Ir-reklami jinfluwenzaw l-għażliet tiegħek?

    3 minuti qari

    Meta tixtri prodott jew servizz,  ġieli ssib ruħek influwenzat minn dak li tkun smajt, rajt jew qrajt, jiġifieri mir-reklami? – Ngħid għalija, ġieli ġrali hekk kważi mingħajr lanqas biss indunajt. Niftakar li darba kont f’supermarket u rajt prodott li jirreklamawh ħafna fuq it-televiżjoni, l-aktar fuq stazzjonijiet Taljani. Kważi awtomatikament, idejja ħarġet u tefgħet il-prodott fit-trolley. Meta wasalt id-dar u ħriġtu mill-baskett irriflettejt bejni u bejn ruħi li kont xtrajtu u mhux prodott bħalu ta’ ditta oħra, sempliċement għaliex, kważi bla ma naf, kont influwenzat mir-reklami.

    Ngħiduha kif inhi, jekk ikun prodott tajjeb ma fiha xejn ħażin li tkun influwenzat mir-reklami fl-għażla tiegħek. Però, dan mhux dejjem ikun il-każ. Hawn reklami li huma qarrieqa bħal, ngħidu aħna, uħud li jirreklamaw prodotti bħala tajbin għal dieta li żżommok il-bogħod mill-obeżità imma ma jgħidux li fir-realtà, uħud mill-ingredjenti tal-prodott fil-fatt m’humhiex tajbin għas-saħħa.

    U xi ngħidu għar-reklami tas-sales? – Ġieli jgħidulek li se jsir skont saħansitra ta’ xi sebgħin fil-mija meta l-verità tkun li jkunu għollew il-prezzijiet imbagħad naqqsuhom biex int, fl-aħħar mill-aħħar, tkun qed tixtri l-prodott bl-istess prezz ta’ qabel! – Lanqas ħaqq il-ħin moħli fil-kjuwijiet minn ħafna nisa tad-dar u rġiel li jieħdu ġurnata leave apposta għalhekk!

    Niddejjaq ħafna wkoll bl-aġir ta’ kumpanija lokali li tipprovdi servizz ta’ logħbiet tal-futbol bi ħlas. Kull logħba li tara, tiġi bbumbardjat b’reklami biex tilgħab il-flus fuq il-logħob. Mhux hekk biss, imma b’disprezz totali lejn il-konsumatur, dawn ir-reklami jidhru meta tkun diġà bdiet it-trassmissjoni u l-kummentatur ikun qed jitkellem. Ġieli tara l-plejers lesti biex joħorġu imbagħad jaqtgħulek ħesrem biex jiġi reklam iħajrek tilgħab il-flus fuq il-logħob. Saħansitra ġieli bilkemm ikun saffar ir-referee għal tmiem il-logħba li ma jaqtgħulekx mill-ewwel biex iġibu r-reklam u lanqas biss jagħtuk ċans tara x-xeni ta’ tmiem il-logħba. Tal-mistħija kif qed jiġi trattat il-konsumatur minħabba dawn ir-reklami! – Iktar minn hekk, reklam minnhom huwa offensiv ħafna għax prattikament jidentifika l-logħba sabiħa tal-futbol mal-logħob tal-flus fuq dan l-isport. Qisu li tilgħab il-flus hija azzjoni ta’ min ifaħħarha!

    Għalhekk, hemm bżonn li nkunu konxji l-ħin kollu mill-effett tar-reklami fuq l-għażliet tagħna u nużaw is-sistema tal-edukazzjoni f’pajjiżna biex nedukaw liż-żgħar kif joqogħdu attenti minn reklami qarrieqa.