Home Malta Maltija, Mediterranja, Ewropea... u Kosmopolitana

    Malta Maltija, Mediterranja, Ewropea… u Kosmopolitana

    4 minuti qari

    Lura mis-seduta tal-Parlament, dalgħodu għaddejt l-RTK. Wassalt lil Marlene għal programm.

    Hekk kif tlaqna u qbadna t-triq lura lejn id-dar, irħejtilha lejn il-Ħamrun. Mhux is-soltu ngħaddi minn din in-naħa ghax id-drawwa hi li niġbed mit-triq prinċipali tal-Belt, Triq Diċembru 13, lejn il-Marsa. Din id-darba għażilt li ngħaddi minn Triq il-Kbira San Ġużepp u hekk kif nasal Fra Diegu nikser ġo Triq Pawlu Magri biex inqarreb għall-inħawi tas-Salib tal-Marsa.

    It-traffiku mexa bil-lajma u hekk kif kont qed insuq bdejt inħares lejn l-ismijiet tat-tabelli tal-ħwienet. Ikolli nistqarr li kont xi ftit sorpriż u dan mhux biss għax il-ħwienet kienu bidlu l-idejn, imma minħabba l-ismijiet li dawn it-tabelli rriklamaw: Bangladesh Market, Namaste India, Afghan Restaurant, Pasta Boiling Point, Chinese Massage, Turkish Kebab, Maltese Canadian Bar

    Tbissimt….Mingħajr ma ridt ħarġitli l-frażi “Malta kosmopolitana”.

    Kont xbajt nismagħha din il-kelma fil-Parlament. Donnha xi buzzword ġdida. Ma nistax ngħid li l-lokalità tal-Ħamrun hi waħedha kosmopolitana. Malta hi.

    Għax ejja ngħiduha kif inhi, meta pajjiżna jiġi mqabbel ma’ bliet Ewropej oħra nistgħu nqisuh daqslikieku hu belt waħda. Aħna m’għandniex il-lussu bħal pajjiżi ġirien li għandhom diversi bliet mifruxa f’meded t’art minħabba l-kobor tagħhom. Biex tgħaxxaqha, l-irħula u l-bliet tagħna saru qishom nisġa urbana waħda. Il-konfini naturali ntilfu u mhux dejjem faċli tagħraf l-irħula minn xulxin.

    Ħafna huma dawk li jifhmuha bħali u jkolli ntenniha. Mhux qed nibżgħu u nħarsu biżżejjed il-ħolqien naturali li ħa sekli sħaħ biex ħa s-sura tiegħu. Spiċċajna niftaħru fuq il-kapital ekonomiku filwaqt li warrabna l-kapital naturali bħala r-riżors dejjiemi.

    Imma minkejja ċ-ċokon ta’ pajjiżna, aħna għandna ħafna x’ngħożżu. Malta hi ġawhra ħelwa b’ karatteristiċi Mediterranji ewlenin. Għandna ġrajja għanja, arkitettura rikka, kultura ħajja, wirt naturali l-ġmiel tiegħu u ġens ħabrieki. Hi din l-identità li tkabbarna. Ftit huma dawk li jirrealizzaw li minkejja li aħna nitfa ta’ ġens, aħna l-unika gżira minn tant eluf li hawn fil-Mediterran li għandna l-lingwa tagħna u din żammejnieha ħajja għal sekli sħaħ minkejja li konna maħkuma minn diversi potenzi barranin.

    Ninnota li dan l-orgolju tal-identità Maltija jsawwar qawmien imġedded biex inħarsu dak li hu Malti u Għawdxi.

    Hu fatt magħruf li bliet kosmopolitani jixhdu taħlit ta’ ġnus b’kulturi differenti. Dan hu timbru ta’ soċjetà multikulturali. Ma nistgħux ngħidu li dan hu fenomenu taż-żmien li qed ngħixu fih biss. Sa minn żmien l-Ordni tal-Kavallieri, aħna konna kosmopolitani fis-sens bikri tiegħu. Illum il-globalizzazzjoni kabbret il-kunċett kosmopolitan minn kull aspett tant li spiċċajna ngħidu li aħna ċittadini Ewropej għax membri tal-Ewropa imma nqisu lilna nfusna wkoll bħala ċittadini tad-dinja (world citizens).

    Il-qofol tas-suċċess tal-ħajja kosmopolitana u li tagħmilha esperjenza aktar b’saħħitha hi l-inklużjoni. Id-diversità u l-pluraliżmu jħeġġu tolleranza u li nkunu kapaċi ngħixu flimkien bħala poplu wieħed minkejja li għeruqna huma differenti u minkejja li mhux kull min jgħix Malta u Għawdex hu ċittadin Malti.

    Min-naħa l-oħra, il-fatt li Malta titqies bħala belt waħda ma jfissirx li għandna nagħmlu sfreġju mill-madwar u nkomplu nagħtuha għall-bini bla kontroll. Il-kampanja, il-wesgħat f’inħawi residenzjali, l-ispazji ħodor urbani, il-ġonna u l-vjalijiet irridu nħarsuhom u bħal kull belt oħra jrid ikollna pjan konkret imsaħħaħ b’infrastruttura li tiggarantixxi  li l-istil ta’ ħajja kosmopolitana joffri kwalità aħjar ta’ għajxien. Ninnota li qed indardru l-għajn li qed nixorbu minnha.

    Il-Gżejjer Maltin għandhom il-limitazzjoni u s-sabiħ tagħhom. Kull sfida toħloq opportunità. Hemm fejn tixtarr. Malta hi Maltija, Mediterranja u Ewropea.

    Il-Gvern, sa issa, għadu qatt ma ppreżenta strateġija dwar dan is-suġġett. Mexjin għal riħna. Hemm fejn flimkien inkabbru għemilna.