Home Vlogg: Il-paga medja żdiedet bi €3,000 f'ħames snin

    Vlogg: Il-paga medja żdiedet bi €3,000 f’ħames snin

    2 minuti qari

    Il-Baġit li ppreżenta Gvern Laburista huwa baġit li qed iqassam is-suċċess li qed jikseb pajjiżna. Suċċess li importanti li nsemmu għax huwa dak is-suċċess li ksibna flimkien, bħala Gvern flimkien mal-ħaddiema u l-familji, li qed jixpruna l-għajnuna li qed nagħtu.

    Ewlenija hija l-ħidma sabiex nindirizzaw u nagħtu daqqa ta’ id lil min jiflaħ l-inqas.  Dan huwa dak li bħala moviment u bħala partit ġejna maħluqa għalih, li naraw li jkun hemm il-ġustizzja soċjali. Qed ngħinu lil dawk l-aktar li għandhom bżonn u għal dan il-għan qed nindirizzaw il-faqar.

    In-numri diġà juru li tajna daqqa b’saħħitha ħafna lil faqar, fosthom permezz ta’ mizuri li ħadna bħat-traħħis tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma.  Izda xorta waħda fadal xi jsir u b’hekk fost l-oħrajn dan il-Gvern se jkun qed iżid iċ-children’s allowance li permezz ta’ hekk se ngħinu 16,500 familja.

    L-għan ewlieni huwa li l-ebda tifel jew tifla, li tgħix f’familja li tal-inqas hemm persuna waħda li taħdem, ma tkun qed tgħix fil-faqar.  Se nagħtu żieda massima ta’ €96 lil dawk li huma fuq il-paga minima.  La qed insemmu l-paga minima permezz tal-ftehim mal-imsieħba soċjali s-sena l-oħra, illum l-ebda ħaddiema ma jista’ jagħmel aktar minn sena fuq il-paga minima.

    Kif qal il-Prim Ministru nhar it-Tlieta li għadda fil-Parlament dan il-Gvern mhuwiex biss wieħed li jaħdem iżda huwa l-Gvern tax-xogħol. Kburija li dan il-Moviment huwa d-dar naturali mhux biss tal-ħaddiem iżda anke ta’ min iħaddem, għax min iħaddem u jinvesti huwa interdipendenti mill-ħaddiema tiegħu.

    Dan huwa Gvern pro-business u allura pro-ħaddiema. Din hija Malta li qed tgħix is-suċċess tagħha.

    Korrezzjoni fit-titlu: F’ħames snin u mhux f’sena kif kien oriġinarjament