Home Fabbrika tal-korruzzjoni

    Fabbrika tal-korruzzjoni

    2 minuti qari

    Qabel l-elezzjoni tal-2013 Joseph Muscat, dak iż-żmien Kap tal-Oppożizzjoni kien b’mod qarrieqi jirriklama il-power station tal-BWSC bħala ‘Fabbrika tal-Kanċer’. Dik l-istess power station illum qed twassal għal enerġija aktar nadifa u għal kontijiet orħos minħabba effiċjenza fil-produzzjoni tal-enerġija.

    L-aħħar rivelazzjonijiet mill-midja indipendenti issa juruna li dik ir-road map dwar l-enerġija li kienu jsemmu Joseph Muscat u Konrad Mizzi qabel l-elezzjoni ma kienet xejn xejn ħlief pjan li jniedu Fabbrika tal-korruzzjoni. Sirna nafu li l-kumpanija 17 Black moħbija f’Dubaj kienet ta’ wieħed mill-membri tal-konsorzju involuti fil-produzzjoni tal-enerġija u li minn din il-kumpanija kellhom jgħaddu flus fil-kumpaniji sigrieti ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi. Dawn ir-rivelazzjoniet jitfgħu dell kbir fuq il-pjan veru tal-enerġija tal-Gvern u huma spejga ċara għaliex il-Gvern kontra l-parir ta’ bosta, baqa’ jinsisti li jdaħħal tanker tal-gass ġo Marsaxlokk.

    Il-Gvern seta’ ħa bosta toroq oħra, fosthom li jinvesti aktar f’enerġija alternattiva flok li jġib tanker tal-gass iżda kulħadd jista’ jagħmel ġudizzju fuq l-iskop veru ta’ dan il-pjan. Din il-ġimgħa fil-Parlament Ewropew ħadna bosta deċiżjonijiet biex nagħmlu miri akbar sabiex nipproduċu aktar enerġija li tkun ġejja minn sorsi alternattivi bħax-xemx u r-riħ u b’hekk ikollna enerġija nadifa u kontijiet orħos. Dik li għandna Malta hi propju l-oppost, kontijiet għola minħabba l-inkompetenza tal-Gvern fil-ħruġ tal-kontijiet u enerġija maħmuġa b’riħa taqsam ta’ korruzzjoni.