Home Apprezzament f’waqtu

    Apprezzament f’waqtu

    2 minuti qari

    Qed nikteb biss ftit sigħat wara li ntemmet ir-raba u l-aħħar rappreżentazzjoni tal-Musical Scrooge fl-Oratorju Don Bosco ta’ Victoria, impenn qawwi li daħal għalih il-Producer residenti Saviour Cremona u d-Direttur Mużikali Mro Dr John Galea li fl-aħħar mumenti bla mistenni, kellu jgħaddi l-bakketta lil Mro Mark Gauci flimkien ma’ kast kbir ta’ tfal, żgħażagħ u adulti bil-parti prinċipali fdata f’idejn il-kantant bravu Ludwig Galea li wera wkoll il-kwalitajiet sbieħ ta’ attur.

    Inutli noqgħod insemmi lil dawk kollha li ħadu sehem għax ilkoll kemm huma qatgħu figura mill-aqwa u ħadmu bħala  ‘team’ magħqud għal xhur sħaħ ta’ provi flimkien ma’ ħafna oħrajn li għalkemm fuq l-istage ma rajnihomx kienu hemm wara l-kwinti jagħtu s-sehem indispensabbli tagħhom.

    Ta’ Leslie Bricusse dan il-musical bħalissa qed jintwera wkoll ġewwa Londra u allura ma kienx faċli li ġġib il-permessi imma wara din l-attivita kollha kien hemm id-Direttur ħabrieki tal-Oratorju Fr Effie Masini li jieħu ħsieb u jindokra dan l-Oratorju erbgħa u għoxrin siegħa kuljum u allura nħoss li l-ewwel prosit nagħtuh lilu għax huwa l-bniedem li fl-uffiċċju tiegħu jaqgħu l-problemi kollha inklużi dawk finjanzjarji li huma dejjem l-ikbar uġigħ ta’ ras.  Imma grazzi lill-pubbliku li kkonkorra bi sħiħ kif stajt nara u lil tant sponsors li jgħinu mill-aħjar li jistgħu.

    Il-passat huwa l-mera tal-futur u għalkemm din il-frasi forsi ma għadniex napplikawha għal banek, żgur li tgħodd għall-Oratorju Don Bosco fejn fl-imgħoddi ttellgħu tant drammi u musicals!

    Veru li trid vapur nies biex Scrooge tippreżentaha f’Malta imma wara dan is-sagrifiċċju u s-suċċess kollu, għaliex din għandha tieqaf f’Għawdex u ma tixrifx ukoll sal-Belt tal-Kultura fejn bħalissa nsibu armat ukoll Presepju made in Gozo!

    Kav Joe M Attard