Home Il-Milied xi jfisser għalik?

    Il-Milied xi jfisser għalik?

    2 minuti qari

    Inti l-Milied xi jfisser għalik? – Festa sabiħa reliġjuża li tfakkarna fit-twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu jew żmien ta’ xalar, tberbiq ta’ flus, ħniżrija fl-ikel u ħafna affarijiet oħra li huma ’l bogħod ħafna mill-veru messaġġ ta’ dan l-avveniment kbir? –  Qed nistaqsi dan għax għal ħafna nies illum is-sinifikat tal-Milied ma jfisser xejn. Tisma’ n-nies jitkellmu u ħafna drabi d-diskors ikun dwar li jridu jmorru jixtru r-rigali, li jridu jibbukkjaw għall-ikla barra f’lejliet il-Milied, li jridu jċemplu għal appuntament ħalli jmorru jissettjaw xagħarhom għall-festi, li  jridu jippreparaw għall-ikla tal-familja dakinhar tal-Milied, eċċ. Ġieli anke tisma’ min jgħidlek wara li jkun għadda l-Milied: “lanqas kelli ċans immur quddies dan il-Milied għax f’lejliet il-festa morna nieklu barra u fil-festa propja stedint lil tal-familja għall-ikel u kelli noqgħod nipprepara u wara nnaddfu kollox, imbagħad bqajna nieħdu drink flimkien”.

    Mhux kulħadd hekk u għad baqa’ ħafna Maltin ukoll li jiftakru fil-veru messaġġ ta’ paċi u hena li jġib miegħu l-Milied u f’dawn il-ġranet sbieħ tal-festi mhux biss jieħdu sehem fil-funzjonijiet reliġjużi imma anke jiftakru f’min forsi jinsab f’qagħda batuta u għandu bżonn il-wens u l-għajnuna tal-proxxmu tiegħu. Dan l-aġir tagħhom jagħti sens lill-festa għażiża tal-Milied. Min-naħa l-oħra, jekk il-Milied jiġi biex nagħmlu biss festa ta’ konsumeriżmu, xalar u vanità, u ninsew għal kollox l-aspett reliġjuż, jista’ ma jiġi xejn għaliex ikun tilef kull sens u kull sinifikat.