Home Tagħtux l-eżempju biż-żgħir

    Tagħtux l-eżempju biż-żgħir

    2 minuti qari

    Membru tal-Forzi Armati ta’ Malta li jaħdem u jservi lill-pajjiżu pparteċipa f’filmat qasir u li l-intenzjoni tiegħu kien li jibqa’ privat, biex b’mod umoristiku jiġbed l-attenzjoni għall-frivolità ta’ grada f’nofs għalqa li ma kienet qed isservi għall-ebda skop ħlief ħela ta’ flus.

    Skont rapporti fil-midja u li dwarhom għadu ma tax risposta l-Ministeru kkonċernat, dan l-individwu, minħabba li dan il-filmat spiċċa xxerred mal-erbat irjiħat ta’ pajjiżna, spiċċa bla xogħol. Għalkemm mhuwiex xieraq li ċertu kliem jintuża f’filmati ta’ din in-natura, huwa tal-mistħija kif l-awtoritajiet ħassew li l-aġir ta’ dan is-suldat kien jimmerita tkeċċija.

    X’ironija meta tara deputati fil-Parlament jidgħu, jinsultaw u anke jheddu deputati oħrajn fl-istess kamra. X’ironija meta nafu li għandna persuni fuq il-bankijiet tal-Gvern u fl-uffiċċji f’Kastilja li nqabdu jikkonfoffaw biex jisirqu l-flus mill-proġett tal-powerstation. U x’ironija meta għandna membri taċ-ċivil implikati b’bejgħ ta’ passaporti illegali fl-Afrika ta’ fuq, u l-ebda passi ma jittieħdu kontrihom.

    Però l-iżjed mossa ironika wara dan kollu probabli hi li wara dak li qal dan is-suldat, kienu pronti jibnu ċint madwar din il-grada, li jagħti mertu lil dak li kien qiegħed jgħid fl-aħħar mill-aħħar.

    Il-messaġġ tiegħi huwa wieħed ċar. Tagħmlux eżempju biż-żgħir. Għandna nkunu aħna lkoll li nagħtu eżempju, u mhux li nħarsu n-naħa ‘l oħra meta naraw persuna bħal dan l-individwu li tilef xogħlu jbati b’dan il-mod.