Home Iż-żmien li niddefendu l-indifensibbli spiċċa

    Iż-żmien li niddefendu l-indifensibbli spiċċa

    2 minuti qari

    F’dak li ġie ppubblikat fir-rapport tal-Awditur Generali tal-NAO, jirriżulta li kien hemm nuqqasijiet serji fil-proċess sabiex intgħażlet il-kumpanija Electrogas biex tmexxi il-power station il-ġdida. Il-fatti jkomplu juru biċ-ċar kif il-Gvern Laburista kompla għaddej minn wara dahar il-poplu, b’insistenza kbira, mingħajr ma evalwa verament x’kien bżonnjuż għal pajjiżna.

    Il-Partit Nazzjonalista kien minn ta’ quddiem sabiex f’Malta din il-kwistjoni tiġi nvestigata minnufih għax il-poplu Malti għandu dritt li jkun jaf il-verità. Ir-rapport kompla jikkonferma li l-ftehim tal-power station il-ġdida qed jiswa’ mitejn miljun ewro aktar fis-sena mill-interconnector li kien proġett ta’ Gvern Nazzjonalista. Barra dan kollu l-Enemalta setgħet tifranka anke €10 miljun ewro, kieku kellha pjan stateġiku aħjar fix-xiri tagħha.

    Meta nħarsu lejn dawn iċ-ċifri kollha, wieħed jibda jaħseb u jistaqsi, pajjiżna x’jista’ jagħmel b’mitejn miljun euro fis-sena. Mitejn miljun mċaħħda minn fondi allokati għall-operat tal-Kunsilli Lokali, proġetti ambjentali, edukazzjoni u kundizzjonijiet aħjar għall-għalliema, skejjel ġodda, infrastruttura bi pjan sostennibli, ‘social housing’, mediċini, għajnuna lill-pazjenti tad-dijabete u diversi nuqqasijiet oħrajn, appart kontijiet orhos tad-deal u l-ilma – huwa dan kollu li l-poplu qed ibgħati fis-skiet fid-daru.

    Jeħtieġ li l-poplu Malti jiġi trattat b’aktar dinijità u rispett f’każijiet bħal dawn fejn għandek il-midja indipendenti, bi dritt, tistaqsi għall-informazzjoni u min-naħa l-oħra għandek il-Gvern Laburista, bl-aktar mod malizzjuż li lest jispinja u jaħrab milli jirispondi. Bħala oppożizzjoni rridu nkomplu nkunu l-vuċi u t-tarka tal-poplu Malti u naraw li dak kollu li jsir bi flus il-Maltin u Għawdxin isir b’mod ġust u trasparenti.