Home Anke fuq il-plastik iridu jqarqu

    Anke fuq il-plastik iridu jqarqu

    2 minuti qari
    Francis Zammit Dimech

    It-theddida fuq l-ibħra internazzjonali mill-iskart bħall-plastik hija waħda li dejjem qed tikber hekk kif huwa mbassar li se jkun hemm aktar plastik fl-ibħra milli ħut sas-sena 2050. Huwa stmat li f’sena waħda, bejn ħamsa u 13-il miljun tunnellata ta’ plastik jispiċċa fl-ibħra internazzjonali li jikkawża ħsarat kbar lil speċi li jgħixu fil-baħar.

    Il-baħar li jsawwar lil pajjiżna huwa riżorsa naturali li jħalli impatt importanti fuq l-ekonomija ta’ pajjiżna. Għal numru ta’ setturi Maltin, l-ibħra madwar pajjiżna jsarraf f’investiment u opportunitajiet li rridu nħarsuhom sabiex nissalvagwardjaw numru kbir ta’ ħaddiema Maltin.

    Għalhekk, l-immaniġġjar tal-ibħra Maltin kien wieħed mis-suġġetti li ħdimt fuqu fil- Parlament Ewropew matul l-aħħar sena. Wara diversi laqgħat li kelli ma’ numru ta’ sajjieda Maltin, fosthom dawk li jipprattikaw is-sajd rikreattiv, fil-Parlament Ewropew għamilt appell sabiex nagħtu spazji adegwati lis-sajjieda ta’ rikreazzjoni sabiex jipprattikaw l-isport tagħhom. Punt ieħor li qajjimt fil-Plenarja kien dak dwar il-‘ghost fishing’ wara li numru ta sajjieda irrimarkaw li bosta xbieki abbandunati qed iservu ta’ nases u qed jeqirdu bosta ħut.

    Flimkien ma’ Membri Parlamentari Ewropej oħra, kollegi u membri tal-pubbliku, ipparteċipajt f’inizjattiva ġdida bl-isem ta’ ‘plogging’, organizzatta mill-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew sabiex inkomplu nnadfu l-bajjiet Maltin mill-iskart bħall plastik li jispiċċa fl-ibħra Maltin u jħalli effett negattiv fuq speċi tal-baħar bħal ħut u fkieren.

    Pajjiżna jeħtieg numru ta’ inizjattivi sabiex il-bajjiet ta’ pajjiżna jinżammu indaf, biss l-iskema tal- ‘White Flag’ li ġiet mħabbra ftit jiem ilu mhi xejn ħlief inizjattiva qarrieqa bl-involviment ta’ persuni meqjusa bħala frodisti bl-għan li jdaħħlu eluf kbar ta’ ewro mill-but tal-poplu Malti u Għawdxi. Għalhekk qajjimt dan mal-Kummissjoni Ewropea billi staqsejt l-istess Kumissjoni Ewropea jekk kienx sar xi due diligence fuq l-organizzazzjoni White Flag International, jekk il-Kummissjoni Ewropea kinitx favur din l-iskema, u jekk kienux involuti xi fondi Ewropej f’din l-iskema.