Home Ewropa Ambizzjuża

    Ewropa Ambizzjuża

    2 minuti qari

    Bdejna sena ġdida. Irrid nieħu din l-opportunità biex nixtieq lil kulħadd sena mill-aqwa u li fiha wieħed jesperjenza dak kollhu li tixtieq qalbu.

    Fl-aħħar jiem il-Parlament Ewropew kien magħluq. Ħadt l-opportunità biex ingawdi aktar lil dawk viċin tiegħi u biex nipparteċipa f’inizjattivi filantropiċi fostom L-Istrina u l-Festa ta’ Ġenerożità. Għal darba oħra l-poplu Malti wera kemm hu ġeneruż. Żort ukoll bosta presepji inkluż dak tant famuż f’Għawdex: Bethlehem f’Għajnsielem li issa wasal fl-10 edizzjoni tiegħu. Attendejt bosta pantomini u kunċerti u xi ikla tajba ma naqsitx!

    Issa daqt lura għax-xogħol fil-Parlament Ewropew fejn irrid inkompli nservi bħala l-vuċi tal-Maltin u l-Għawdxin. Fuq kollox ħa naħdem għal Ewropa aktar ambizzjuża. Ewropa li taħdem favur aktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ, Ewropa li taħdem aktar fuq il-qasam tas-saħħa, Ewropa li timbotta l-ekonomija ‘l quddiem u toħloq l-impjiegi tajbin, Ewropa li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tagħna.

    Għalija din ħa tkun ukoll sena ta’ sfidi hekk kif f’Mejju li ġej nerġa’ nikkontesta l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew. Minn qalbi nirringrazzjakom tax-xewqat u l-appoġġ tagħkom.

    Francis Zammit Dimech huwa MEP Nazzjonalista