Home Insaħħu ħajjitna

    Insaħħu ħajjitna

    4 minuti qari

    Man-natura ma tilgħabx. Meta l-bniedem ifixkel l-armonija tagħha hi tipprova ssib triqitha. Hekk kont qed naħseb jien u miexi fuq il-bankina wara li kont ħallejt id-dell ta’ siġra l-ġmiel tagħha. Kienet għadha kemm inżabret.

    Waqt li kont għaddej minn fejnha nnutajt li l-għeruq tal-wiċċ kienu kibru b’mod li kienu saru ħaġa waħda mal-ilqugħ tal-ħadid, li kien iservi aktar bħala gost ’il fuq mill-kurduna. Maż-żmien, għerq minnhom saħansitra qabeż il-kurduna u tawwal driegħu u daħal fl-art tal-bankina, qisha tiegħu.

    Ikolli ngħid li d-dehra tistħajjilha qisha arti kreattiva. Imma fuq kollox, hi xhieda tal-kobor tal-ħolqien u kemm minkejja li l-bniedem jipprova jisloħ kemm jista’ min-natura, fl-aħħar mill-aħħar, il-qilla tan-natura dejjem tirbaħ.

    Qabel ma ntbaħt b’din il-kurżità, kont qed naqra aħbar dwar il-ħarsien tas-sostenibiltà li kienet ħarġet il-Kummissjoni tal-Knisja dwar l-Ambjent, filwaqt li kont qed nhewden dwar telefonata ta’ żagħżugħ li aktar kmieni kien ċempilli. Kien jinsab bejn ħaltejn dwar x’għandu x’jagħmel. Ried ikun aħjar, aktar ferħan u jikseb is-suċċess mixtieq f’ħajtu. Għadni nisma’ leħnu jhewden “Imma ħajti, kif nista’ ntejjibha?”

    Kos, kont qed nixtarr fuq tliet affarijiet f’daqqa. Moħħi f’madwari, moħħi f’dak l-imniefaħ mowbajl miżgħud bl- informazzjoni  teknoloġika u moħħi fil-konverżazzjoni li kelli maż-żagħżugħ. Għandi ħabta. ‘Nipprova nlaħħaq ma’ kollox f’daqqa qisu m’hemmx għada” għedt bejni u bejn ruħi. Tbissimt.

    Liż-żagħżugħ, wara li smajtu, niftakar kont għedtlu: “Qabel xejn aċċetta lilek innifsek, kun af x’tagħżel bejn dak li jgħodd għalik u mhux, u qatt ma għandek ikollok dubju f’ dak li għandek twettaq la jkun is-sew. “Qis mitt darba imma la tiddeċiedi qawwi qalbek. Afda f’ħiltek. Ħares ’il quddiem. U l-kuntentizza tiġi mingħajr ma tfittixha” kont tennejtlu “…u s-suċċess waħdu jiġi, jekk tieħu ħsieb id-dinjità tiegħek.”

    It-twissija tal-istqarrija tal-Kummissjoni għalija hi twiddiba pulita lill-eżekuttiv u l-mod kif qed jitmexxa. Tfakkar li d-deċiżjonijiet f’dan ir-rigward mhumiex fl-interess komuni. Din l-istqarrija tista’ tħares lejha bħala ċanfira minn lenti negattiva, u b’mod pożittiv bħala appell nobbli. Fuq kollox, qed titlob lil min għandu r-riedni f’idejh biex ikun aktar sod u jibda jħares ’il quddiem biex  jiggarantixxi l-ħarsien  tal-ġejjieni tagħna.

    Il-Kummissjoni għafset fuq il-kelma sostenibiltà u rrepetietha kemm il-darba u magħha żewġet ukoll il-klima, u bir-raġun. Naħseb kulħadd jgħix f’dinja u jaf l-isfidi li għandna, inkluż f’pajjiżna. Il-bidla fil-klima ser toħnoq lil ħajjitna.

    Fuq kollox, aħna gżira żgħira fid-daqs, li hi maħkuma minn popolazzjoni aktar milli tiflaħ. L-isfreġju li għamilna f’dawn l-aħħar snin lill-kapital naturali tagħna: il-kampanja, il-widien, ix-xagħri, l-irdumijiet, ix-xtut, l-ibħra, l-arja li nieħdu nifs minnha…iwaħħxek.

    Naħseb tifhmuha bħali, kull direzzjoni li tinkoraġġixxi aktar pjanar ta’ żvilupp ser tirriżulta f’aktar tkattir ekonomiku, imma dan għandu prezz qares ukoll. Naħseb kulħadd hu saqajh mal-art u jaf li l-limiti ta’ pajjiżna huma ċkejkna. Jekk il-bilanċ bejn il-qasam ekonomiku u dak tal-ambjent ma jinżammx, il-progress li ngawdu llum, għada ma nsibuhx. Ser jisfaxxa fix-xejn. Ser nispiċċaw li lil uliedna mhux ser inħallulhom wirt b’saħħtu.

    Nerġa’ niftakar fis-siġra u f’għeruqha. Nitfakar fiz-żagħżugħ u niftakar fil-kelma sostenibiltà. Minsuġa flimkien ninnota tema waħda, ħidma favur soluzzjoni biex insaħħu ħajjitna u dik t’uliedna u wlied uliedna.

    Dr Godfrey Farrugia huwa l-Kap tal-Partit Demokratiku