Home Vlogg: Is-solidarjetà Ewropea mhix temporanja

    Vlogg: Is-solidarjetà Ewropea mhix temporanja

    2 minuti qari

    Filmat: Miguela Xuereb

    Riċentament segwejna l-inċident fejn għal kważi erba’ ġimgħat sħaħ kellna 49 persuna, fosthom ħamest itfal, fuq dgħajsa ma jafux x’se jiġri minnhom. Dak li rajna jseħħ, ċertament li ma jirrappreżentax il-valur importanti Ewropew tas-solidarjetà.

    Is-solidarjetà bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea fil-kwistjoni tal-immigrazzjoni ma tistax tkun waħda temporanja, jew solidarjetà li tinkiseb għax Prim Ministru joqgħod iċempel lill-ieħor f’mument ta’ kriżi waqt li bnedmin oħra jistennew bejn sema u ilma, ma jafux jekk hux se jgħixu jew le.

    Il-mekkaniżmu tas-solidarjetà fl-Unjoni Ewropea jeħtieġ li jkun wieħed mibni fuq bażi sostenibbli u permanenti, fejn ma jkollniex għalfejn naraw kriżi bħal ma kellna tiżvolġi qabel tinstab soluzzjoni. Filfatt, nibqa’ ntenni li l-kunċett li rridu naħdmu għalih huwa dak fejn ikollna solidarjetà bejn il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea fuq bażi sostenibbli u permanenti.

    Wasal iż-żmien li jkunu l-Gvernijiet tal-Istati Membri li jibdew iwettqu dak li ilna niddiskutu fuq livell Ewropew kemm fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea kif ukoll fil-Parlament Ewropew. Jeħtieġ li l-Gvernijiet tal-istati membri jibdew jirsistu għal riforma fis-sistema tal-ażil; riforma fis-sistema tal-kontroll tal-fruntieri; riforma fis-sistema fejn min jabbuża, jintbagħat lura. Dawn huma kollha biċċiet minn pakkett wieħed sħiħ.

    Imbilli Malta gżira żgħira, m’għandiex tkun trattata differenti minn ħaddieħor. Fuq kollox, il-kwistjoni tal-immigrazzjoni u s-soluzzjoni fit-tul li għandna bżonn, ma tistax tkun responsabbilta’ ta’ xi pajjiż wieħed waħdu. Is-soluzzjoni sostenibbli u permanenti trid tkun responsabbilta’ tal-pajjiżi kollha flimkien. Din hi l-vera solidarjetà – solidarjetà fejn inkunu umani bejnietna bħala sħab membri tal-Unjoni, u umani ma’ min għandu bżonn l-għajnuna tagħna.

    Id-diskors tiegħi fil-Parlament Ewropew:

    Francis Zammit Dimech huwa MEP Nazzjonalista