Home Għaliex naqas ir-rispett lejn l-edukaturi?

    Għaliex naqas ir-rispett lejn l-edukaturi?

    4 minuti qari

    Bħala edukatur irtirat, inkwetajt ruħi meta qrajt li survey tal-Malta Union of Teachers (MUT) li fiha ħadu sehem 183 għalliem tat riżultat fejn 87.4% ta’ dawk li ħadu sehem stqarrew li kienu l-vittmi ta’ aġir aggressiv fl-iskejjel tagħhom. Ħadt gost naqra li sew l-MUT kif ukoll il-Gvern se jagħmlu minn kollox biex dan in-nuqqas ta’ rispett lejn l-edukaturi jinqata’ darba għal dejjem.

    AQRA: 87% tal-edukaturi ġew aggrediti fl-iskejjel – MUT

    Wieħed irid jiftakar li l-professjoni ta’ għalliem tirrikjedi ħafna sagrifiċċji. It-tfal jgħejjuk meta tagħmel ġurnata sħiħa magħhom u għandek ħafna xogħol ieħor anke wara l-ħin tal-iskola. Trid tipprepara l-lezzjonijiet u anke tikkoreġi l-homework tal-istudenti. Għalhekk, żgur li l-għalliema ħaqqhom kull rispett. Tajjeb mela li naraw għaliex ir-rispett lejn l-għalliema naqas.

    Nibda billi ngħid li r-rispett illum naqas lejn kull tip ta’ awtorità. Naqas ir-rispett lejn il-ġenituri, lejn il-pulizija u l-wardens, lejn il-kunsilli lokali, lejn il-gvern, eċċ. Qed ngħixu f’soċjetà fejn ħafna nies donnhom jaħsbu li jistgħu jagħmlu li jridu. Kulħadd iparla fuq id-drittijiet imma skiet perfett fejn għandhom x’jaqsmu d-dmirijiet.

    Sfortunatament, għandna wkoll ġenituri li ma jafux irabbu t-tfal sew. Jippretendu li t-tfal tagħhom jagħmlu li jridu u ara ma jkunx hemm min ikellimhom! – Jekk joqogħdu fi flat, it-tfal ħallihom jiġru kemm jifilħu fuq ras il-ġirien. Jekk daħlu f’ħanut, ħallihom ibabsu l-affarijiet qisu tagħhom. Niftakar li ftit taż-żmien ilu mort għand wieħed tal-pjanti u s-siġar biex nixtri xitla u kellu siġra żgħira tal-frott verament sabiħa. Kien hemm xi ġenituri żgħażagħ bit-tfal, huma jparlaw u t-tfal f’wiċċ kulħadd jaqtgħu l-frott mis-siġra. Is-sid kien qed jaqdi n-nies u ma nudunax. Ara ma taħsibx li l-ġenituri kellmuhom lit-tfal! – Iparlaw kienu u jparlaw baqgħu! – Aġir irresponsabbli. Meta tara ġenituri li lanqas biss jikkoreġu lit-tfal meta jġibu ruħhom b’dan il-mod, kif trid li t-tfal iġibu ruħhom sew meta jkunu mal-edukaturi fl-iskejjel?

    Min-naħa tal-għalliema, rridu noqogħdu attenti li ma nkunux goffi jew żorri mal-istudenti. Veru li ċerti tfal faċli li jitilfulek il-paċenzja imma l-għajjat mhux soluzzjoni u ħafna drabi joħloq rabja fihom li wara jesprimuha f’aġir aggressiv. Punt importanti huwa li tagħmel il-lezzjoni interessanti kemm tista’ għaliex xi kultant l-istudenti jinfexxu f’aġir aggressiv, propju għaliex ikunu frustrati bil-ħajja tagħhom fl-iskola.

    Il-membri tal-pubbliku jridu wkoll joqogħdu attenti li jevitaw paroli fil-vojt fuq l-edukaturi għax ħafna drabi dan it-tip ta’ diskors jasal f’widnejn it-tfal u jikkondizzjona l-mod kif iħarsu lejn l-edukaturi. Ġieli tiltaqa’ ma’ nies li jgħidulek: “tajjeb tkun għalliem, ara kemm għandek vaganzi!” jew “kelli bżonn kelli x-xogħol ta’ għalliem, mat-tlieta tkun id-dar!” Jekk mhux ukoll: “l-aħjar il-Headmistress għax toqgħod wara l-iskrivanija tixrob il-kafè u meta jkollha bżonn xi ħaġa tqabbad lill-messaġġier jew lill-iskrivana”. U hekk bil-paroli fil-vojt tagħhom, ċerti nies joħolqu antagoniżmu lejn l-edukaturi.

    Hemm bżonn ngħallmu lit-tfal tagħna juru rispett lejn l-edukaturi. Inkella se nispiċċaw li ħafna żgħażagħ promettenti jibdew jibżgħu jidħlu għall-karriera ta’ għalliem u nerġgħu niffaċċjaw il-problema kbira li kellna fl-imgħoddi ta’ nuqqas kbir ta’ għalliema. Imbagħad min se jieħu ħsieb jeduka l-ġenerazzjonijiet li telgħin?