Home L-Oranġjo

    L-Oranġjo

    3 minuti qari

    Kont għadni kemm kont imgeddes id-dar għax ħassejt il-bard, imma hekk kif qaleb nofsinhar, l-irxiex tax-xita u r-riħ waqfu ħesrem u r-raġġi tax-xemx ħarġu minn bejn is-sħab griż u t-temp donnu qagħad. Għalhekk, iddeċidejt li nieħu ftit arja u ħriġt sal-ġnien.

    L-arja kienet friska, imfewħa bir-riħa tal-larinġ. Is-siġar kienu miżgħuda bil-frott. Mument minnhom, minn taħt il-għajn, rajt u smajt larinġa taqa’. Bumm għamlet, u terz minnha għodos ġol-ħamrija ratba u mxarrba. Kien hemm ftit larinġ mhux ħażin li kien waqa’ bir-riħ. Kif rajt hekk, mort ġibt l-imqass taż-żabra u bdejt naqta’ l-larinġ. Issa kien daħal iż-żmien. Il-weraq kienu għadhom imxarrba jċarċru l-qtar tal-ilma tax-xita. Kemm-il darba spiċċajt nogħla fuq ponot subgħajja u nixxabbat biex nilħaq xi larinġa fil-għoli. F’kemm ili ngħidlek, imlejt qoffa.

    Iż-żarbun kont imlejtu bil-ħamrija. Waqaft mill-ġbir, naddaftu kif stajt billi għorokt il-qiegħ taż-żarbun maċ-ċangatura tal-passaġġ u poġġejt fuq ġebla nħares lejn din il-ġenna tal-art.

    Għażilt larinġa mdaqqsa. Qaxxartha b’dufrejja. Kienet mimlija meraq. Qsamtha fi flieli u bdejt nikolha. It-togħma kienet bnina. Kienet larinġa qarsa milli nħobb jien. Kont qtajt mill-ħelu wkoll imma dak tal-bakkaljaw kont ħallejtu fis-siġra bil-ħsieb li naqtgħu meta nagħmel il-marmalade.

    Ritratt

    Larinġa hi dejjem imfittxija għax issaħħek. Min jaf kemm ilkoll kemm aħna nagħtu borża larinġ bħala rigal meta nżuru xi marid. Fuq kollox, larinġa Maltija għandha togħma unika. Togħma bnina li tixhed l-art u l-klima ta’ artna, u meta tagħsarha u tixrob il-meraq, timlik bil-ħlewwa. Għalija, larinġa hi l-frotta simbolu ta’ dak kollu li hu Malti.

    Fil-profil tiegħi tal-Facebook għandi ritratt bilqiegħda fuq ċint mistrieħ taħt siġra tal-larinġ. Ilu hemm minn qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013. Mur għidli li fl-elezzjoni bikrija tal-2017 kelli nissieħeb mal-partit li jġib il-lewn tal-qoxra tal-larinġa, tal-oranġjo u li llum il-ġurnata nkun il-mexxej tiegħu.

    Jien nifhimha li partit politiku għandu jkun għodda biex iħares id-dinjità tal-bniedem u jservi lill-pajjiż. Meta kont fil-Partit Laburista, bħala rappreżentant tal-poplu, kien hemm min spiċċa tilef triqtu u jien kont għamilt kulma stajt biex nerġa’ nagħtih nifs ġdid billi nikkonvinċi minn ġewwa. Ma rnexxilix. Anzi, qlajt fuq rasi, imma bqajt sod. Jirriżulta li xi wħud qiegħdu l-but jew il-partit qabel pajjiżhom.

    Sistema politika marida

    Spiċċajna b’sistema politika marida, tant li anke l-Partit Nazzjonalista ssewwes. B’partit tal-Oppożizzjoni li hu kbir fid-daqs tiegħu bħalma hu l-Partit Nazzjonalista, li hu nieqes mill-eżempju tat-tmexxija li jkaxkar, spiċċajna nħkimna minn klikka li tiggverna minn ġo gvern. 

    F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-partit tal-oranġjo, il-Partit Demokratiku, minkejja ċ-ċokon tiegħu, spiċċa t-tarka tal-verità, il-leħen tal-ġustizzja, il-forza tar-raġuni u l-qawwa tat-tama.

    Hemm bżonn li nkomplu naħdmu qatigħ.