Home Id-deal tal-Corinthia mhuwiex tajjeb għal ħafna raġunijiet

    Id-deal tal-Corinthia mhuwiex tajjeb għal ħafna raġunijiet

    2 minuti qari

    Id-deal tal-Corinthia, li bih, il-Gvern Malti qed jippjana li jagħti art pubblika lill-grupp Corinthia għal prezz baxx ħafna hu eżempju ieħor ta’ kif il-Gvern mhux qed jirrispetta lill-poplu. Konrad Mizzi qiegħed jinnegozja art li hi tagħna, art li hi f’żona turistika mill-iprem; u qed itiha lill-privat bil-loqom. Konrad Mizzi jrid jagħti art li tiswa €800 miljun għal €51 miljun biss, u dan juri jew li Konrad Mizzi ma jafx jinnegozja, jew inkella li hemm xi ħaġa ħażina ħafna.

    Bħala Eks Minisru għat-Turiżmu niftakar li amministrazzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista (PN) fil-passat taw artijiet għal skopijiet turistiċi biex is-settur tat-turiżmu jkun żviluppat u jkunu ġġenerati l-impjiegi għall-Maltin. Il-PN ma huwiex kontra li l-Corinthia sservi bħala bandiera għal Malta, anke barra minn pajjiżna. Madanakollu, l-art illum il-ġurnata qed tingħata għal prezz redikolu. Dan huwa inaċċettabbli, speċjalment ġaladarba l-art mhux se sservi għal skopijiet turistiċi.

    Irrid infakkar kif żgħażagħ li qed ifittxu biex jixtru l-ewwel propjetà tagħhom ikollhom iħallsu eluf kbar, imma l-Corinthia ngħatat vantaġġ. Insaqsi jekk il-Gvern hux se jkun qed jagħti dan it-trattament lil dawk iż-żgħażagħ li jridu jixtru xi biċċa art. Ma jonqosx ukoll il-fatt li hawn tħassib serju dwar il-possibilita ta’ reklamazzjoni tal-art fiż-żona skont dak li ġiet irrappurtat fil-midja. Dan jista’ jwassal biex jinħoloq preċedent kontra residenti f’żoni oħra ta’ Malta. Ta’ min jgħid li r-residenti tax-Xagħra u postijiet oħra diġà esprimew ħafna tħassib.

    Filwaqt li l-Gvern qajjem din il-kwistjoni waqt il-perjodu tal-Milied meta n-nies ikunu aljenati, l-Oppożizzjoni mhux se tħalli dan id-deal iseħħ mingħajr ma tagħmel skrutinju xieraq, u se tkun qed topponi dan id-deal. Sid l-art mhuwiex il-Gvern, iżda l-poplu. Il-PN se jiddefendi d-drittijiet tan-nies waqt li jfittex li tingħad dejjem il-verità.