Home Jum il-Memorja

    Jum il-Memorja

    3 minuti qari

    Fis-27 ta’ Jannar ta’ kull sena, pajjiżna jingħaqad ma’ diversi oħra biex jieqaf u jfakkar il-memorja tad-diversi bnedmin bħalna li nqatlu fil-kampijiet tal-konċentrament.  Huwa llum dejjem iktar obbligu morali li nagħmlu dan.  Il-miljuni li nqatlu bl-iktar mod ikrah u atroċi.  Dawk li sabu ruħhom imneżżgħa minn kull dinjità.  Dawk li tilfu ħajjithom maħruqa.  Dawk li sabu ruħhom meħuda l-bgħid minn pajjiżhom mhux għax wettqu xi delitt, imma għax kienu Lhud.

    Primo Levi (1919-1987) kiteb fit-tul, f’diversi kotba, dwar dak li huwa ra.  Dwar dak li mess miegħu jum wara jum, imsakkar f’wieħed minn dawk il-kampijiet tal-konċentrament.  Kitba li tmissek.  Kitba li twasslek biex tifhem biċċiet minn dak li bnedmin bħalu għaddew minnu.  Waħda li titolbok tirrifletti.

    Fost id-diversi jiddiskuti fuq kif il-memorja ta’ dak li seħħ tista’ tiġi mgħoddija minn ġenerazzjoni għal oħra.  Anzi, jitkellem fuq il-bżonn tagħha.  F’mument jgħid hekk: “Ē avvenuto, quindi può accadere di nuovo: questo è il nocciolo di quanto abbiamo da dire” (Seħħet, u allura tista’ terġa’ sseħħ: din hija l-qalba ta’ dak li għandna xi ngħidu).

    Levi jfakkar li meta kiteb kien hemm din id-diffikultà.  Il-problema tal-prova ċara u evidenti li ma tistax tiġi konfutata ta’ dak li seħħ.  Il-kumplikazzjoni umana ta’ bnedmin li proprju għax għaddew minn dak li għaddew ma riedux jitkellmu dwaru wara.  Mhux biss.  Jiċċita lil Simon Wiesenthal f’dak li l-membri tal-SS kienu jgħidulhom: “In qualunque modo questa guerra finisca, la guerra contro di voi l’abbiamo vinta noi; nessuno di voi rimarrà per portare testimonianze per portare testimonianza.  Ma se anche qualcuno scampasse, il mondo non gli crederà”.  (B’xi mod, il-gwerra tispiċċa; dik kontra tagħkom aħna rbaħniha, għax ħadd minnkom ma huwa ser jibqa’ ħaj biex jixhed.  U anke jekk xi ħadd jirnexxilu jaħrab, id-dinja mhux ser temmnu).

    Fortunatament, diversi baqgħu ħajjin.  Fortunatament, bix-xiehda li ħarġet fil-proċessi kontra dawk li wettqu dawn id-delitti atroċi, prova għandna.  Anzi, għandna provi tant ċari li ħadd ma jista’ jiċħad dak li seħħ.  Illum infakkru dan.  Infakkru biex ma ninsewx, u fl-istess ħin nieħdu lezzjonijiet għall-futur.

    Minn dak li għaddejjin minnu l-Ewropa u d-dinja, hemm moviment lura lejn il-lemin estrem.  Dan huwa l-periklu li l-banalità tal-ħażen tirkeb fuqu, li qiegħed jipprova jitwieled mill-ġdid.  Dan huwa dak li m’għandux jiġi permess minn dawk li jridu l-ġid liċ-ċiviltà u l-valuri Nsara li jiffurmawna.

    Levi ħalla warajh dak l-avviż li hu iebes għalina biex naċċettaw, imma huwa dejjem possibbli.  Kif jgħid: “Ē avvenuto, quindi può accadere di nuovo”.

    Għandna għalhekk id-dmir li nassiguraw li dan ma jseħħx.  Għandna dmir li niffurmaw il-ġenerazzjonijiet tallum u li ġejjin.  Niffurmawhom u ninfurmawhom fuq dak li seħħ.  Jista’ jkun hemm min jiddejjaq.  Jista’ jkun hemm min ma jridx jisma’.  Imma għandna dmir li dan inwettquh.

    Hekk nipproteġu l-Memorja.  Hekk nassiguraw id-demokrazija u s-soċjetà li għandna.  Ix-Shoah tibqa’ tfakkarna li kull bniedem għandu dinjità, għandu ruħ u ġisem u mhuwiex oġġett.

    Carm Mifsud Bonnici huwa MP Nazzjonalista