Home Appell lill-Ministru dwar il-breakwater f'Marsalforn

    Appell lill-Ministru dwar il-breakwater f’Marsalforn

    6 minuti qari

    Għawdex minn dejjem ħabbejtu u kelli okkażjonijiet oħra fejn tkellimt dwaru f’din ir-rokna ta’ Newsbook. Għalija, Għawdex mhuwiex vetrina u għandu sfidi partikolari, l-aktar minħabba l-immigrazzjoni ta’ familji Għawdxin lejn Malta. Trid tinstab soluzzjoni ġusta u dejjiema. Fi żmien qasir aħna tal-Partit Demokratiku se nħabbru l-viżjoni tagħna.

    Il-ġimgħa l-oħra wasalt wasla sa hemm u qattajt nofstanhar Marsalforn u ma stajtx ma niftakarx fl-aħbar ta’ Newsbook.com.mt dwar il-proġett tal-breakwater ta’ Marsalforn. Għalhekk se nqajjem il-każ magħkom u niddiskuti fehmti.

    Nirreferi għad-disinn preferut u magħżul mill-Ministeru ta’ Għawdex dwar il-breakwater ta’ Marsalforn. Bħalma diġà tenna l-Partit Demokratiku fl-istqarrija pubblika, se nagħmel appell lill-Ministeru ta’ Għawdex f’ismi.

    ARA l-filmati ta’ kif se jiġi l-port ta’ Marsalforn

    Qed nitlob li l-proġett kif inhu propost, jiġi rivedut u analizzat mill-ġdid. Nifhem li diġà saret is-sejħa għal dan id-disinn tiegħu. Imma jekk il-Gvern għandu r-rieda, kollox hu possibbli. Wara kollox, għad irid isir rapport ġeotekniku, preparazzjoni ta’ deskrizzjoni tal-proġett biex issir il-ħidma tiegħu u studju dwar l-impatt ambjentali.

    Filmat: Fadal żewġ studji qabel il-permess għal breakwater

    Allura għadna fi stadju bikri biex dan il-proġett jitwettaq b’aktar ħsieb, u biex jaffettwa mill-anqas id-dehra tal-madwar u l-flora u l-fawna tal-bajja.

    Kulħadd jaf kemm Marsalforn hi bajja popolari għall-għawm. Hi wkoll post tas-sajjieda u mfittxija għall-għadds. Bla dubju, hi bajja li tiġbed it-turisti u bosta huma l-Maltin li jqattgħu btala hemm. Marsalforn hu post residenzjali imma post ta’ villaġġjatura u divertiment. Fis-sajf ifur bl-attività. Minħabba f’hekk, din il-lokalità hi waħda kummerċjali.

    Persważ li kulħadd jaqbel li l-bajja għandha jkollha lqugħ, f’għamla ta’ breakwater. Dan bla dubju jipproteġi l-bajja ramlija u l-promenade eżistenti li ninnota li se jiġu estiżi wkoll.

    Id-daħla tal-bajja tħares lejn it-Tramuntana u minħabba f’hekk, waqt il-maltemp, il-baħar jispiċċa jibla’ l-art u jkaxkar kulma jsib, inkluż ir-ramla.

    Mhux kulħadd jaqbel mal-proġett propost

    Jidher li mhux kulħadd qed jaqbel mal-proġett kif propost u r-raġunijiet huma varji.

    L-aktar li ma hemmx qbil, hu dwar il-lok magħżul fil-bajja biex jinbena l-breakwater u l-għamla strutturali tiegħu. Jien mhux perit, imma midħla tan-nies u nsegwi, u għalhekk se nagħti s-suġġerimenti tiegħi kemm bħala ċittadin li nħobb lil Għawdex u anki bħala politiku.

    Qabelxejn, fil-leġislatura li għaddiet, l-istess Gvern kien nefaq is-somma ta’ €750,000 minn fondi Ewropej,  biex titjieb l-istruttura  tal-ilqugħ u l-moll eżistenti tas-sajjieda u jiżdiedu l-faċilitajiet. Dan kien pass ’il quddiem li saħħaħ aktar is-sajd, li kulma jmur qed jonqos għax l-akwakultura ħaditlu postu.

    Nafu wkoll li fis-sena 2010 kienet saret applikazzjoni mal-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar (il-MEPA), wara konsultazzjoni pubblika biex jinbena breakwater. Din issuġġeriet li għandu jinbena taħt wiċċ l-ilma u b’hekk tiġi restawrata darba għal dejjem, il-bajja ramlija għall-istat naturali u oriġinali tagħha. Kollox kien miet fuq ommu minkejja l-istudji li saru (PA 04905/10) u l-proġett baqa’ fuq l-ixkaffa.

    L-intenzjoni, dak iż-żmien kienet li jkun ftit ’il ġewwa mill-ilqugħ eżistenti tas-sajjieda u jaqsam il-bajja minn taħt wiċċ l-ilma, b’tali mod li l-istruttura tiegħu tinqasam fi tliet partijiet u tħalli żewġ spazji bħala aċċess minbarra l-fatt li l-ilma jiċċirkola minn fuq. B’hekk, fil-maltemp il-mewġ qawwi jiddgħajjef. Dan it-tip ta’ breakwater jiggarantixxi ċ-ċirkolazzjoni tal-ilma, filwaqt li  l-pożizzjoni tiegħu tħares  is-sigurtà  tal-għawwiema għax l-inġenji tal-baħar ma jkunux jistgħu jidħlu għal fuq ir-ramla.

    Sibt ftit ħin. Qrajt id-dokument u flejt l-applikazzjoni. Fil-fehma tiegħi, jagħmel ħafna sens u għalhekk qed nagħmel dan l-appell lill-Ministru Justyne Caruana għax naf kemm hu għal qalbha Għawdex u naf ukoll li hi politika li tisma’.

    Il-mod kif hu propost fid-disinn li ntgħażel mill-Gvern, juri breakwater ’il fuq mill-ilma, mibni ’l barra f’ħalq il-bajja. Min-naħa minnhom, il-breakwater jibda mill-Qbajjar u min-naħa l-oħra, jibda minn Għar Qawqla, filwaqt li jħalli aċċess skuntrat u dejjaq bejniethom. Fil-fehma ta’ xi sajjieda, dan id-dħul minn bejn dawn iż-żewġ breakwaters jista’ joħloq diffikultajiet, meta xi biċċa tal-baħar tinzerta  barra l-breakwater fil-maltemp u tkun trid tidħol għall-kenn.

    Il-madwar jitkerrah…

    Ngħidha kif inhi, din il-proposta toffri protezzjoni assoluta lill-bajja kollha, imma estetikament il-madwar jitkerrah, il-karattru naturali ma jibqax, il-baħar tal-bajja jiġi kważi qiegħed u l-bajja tinqaleb f’port.

    Tgħid nispiċċaw bi speċi ta’ Birżebbuġa oħra, bil- Bajja s-Sabiħa magħha, iżda spustjata f’Għawdex?

    Nifhem li l-intenzjoni tal-breakwater hi waħda li se tikkummerċjalizza aktar il-bajja ta’ Marsalforn, kieku ma jkunx ta’ dak il-kobor. Żgur jitwaqqfu l-pontoons ħalli jkun hemm yacht marina u jiżdiedu l-faċilitajiet marittimi max-xatt fuq in-naħa tal-blat. Dan hu fatt li ma nistgħux ninnegawh. Maż-żmien, ftit, jinħoloq it-tieni port f’Għawdex.

    Punt li forsi ma ġiex ikkalkulat hu dwar meta x-xita tinżel bil-qliel. Mal-qlib tal-gelgul tal-ilma tax-xita jinġarr it-tajn, il-ħamrija u l-ġebel ċkejken. Dan jiżvolġi mill-għoljiet u r-raba’, u saħansitra mill-inħawi tal-Belt Victoria, in-Nadur u ż-Żebbuġ, jgħaddi mill-widien u jispiċċa fil-wied ta’ Marsalforn għal ġol-bajja. Maż-żmien, dan il-ħama se jinġema’ f’qiegħ il-bajja, u fil-fehma tiegħi l-mod kif il-breakwater propost hu disinjat, tant hu kenni, li se jifga l-bajja.

    Filmat: “Nagħmlu 4 sigħat innaddfu l-ħama f’Marsalforn”

    Hu minħabba dawn ir-raġunijiet kollha għalfejn  naqbel mal-proposta li kienet saret fl-2010. Imma jonqos ħaġa.

    Il-port tal-Imġarr hu żgħir wisq biex jaqdi l-ħtiġijiet ta’ Għawdex u biex indawru aktar il-mutur ekonomiku.

    Breakwater fl-Imġarr?

    Jekk nixtiequ yacht marina u forsi anke moll fejn cruise liner ta’ ċertu daqs jista’ jitrakka, għandu jinbena breakwater ieħor l-Imġarr, barra l-port eżistenti biex jitkabbar il-kenn tal-port. Dan il-breakwater jista’ wkoll jinbena taħt l-ilma u jipponta ’l barra  minn fejn il-Blata s-Safra, li hi barra mill-Imġarr stess. Il-port tal-Imġarr ma tantx jinħakem mill-maltemp tal-baħar, minħabba l-pożizzjoni ideali tiegħu għalhekk breakwater taħt l-ilma, jekk studjat sew, jista’ jinbena filwaqt li d-dehra tibqa’ l-istess. Jgħidu li fil-pjan oriġinali hekk kellu jsir fis-sebgħinijiet, imma għal xi raġuni, il-Prim Ministru Mintoff kien ċekknu.

    Fil-fehma tiegħi, kull proġett f’Għawdex għandu jitqies ferm aktar b’attenzjoni minn oħrajn. Kull proġett hu tan-nies, ta’ komunità Għawdxija li trid tinżamm ħajja u ta’ gżira li hi ekogżira, imżejna b’wirt kulturali uniku.

    Dr Godfrey Farrugia huwa l-Kap tal-Partit Demokratiku