Home Għaliex qed ifallu tant żwiġijiet?

    Għaliex qed ifallu tant żwiġijiet?

    3 minuti qari

    Inkwetanti taqra li s-sena l-oħra (2018) kien hawn 1,311-il każ ta’ bidu ta’ proċeduri ta’ separazzjoni miż-żwieġ f’Malta u 47 każ f’Għawdex. Fil-każ ta’ Malta qed nitkellmu fuq medja inkredibbli ta’ 3.6 każ ta’ separazzjoni kuljum li altru li hi inkwetanti ħafna! Naturalment, biex wieħed janalizza sew x’qiegħed iwassal għal sitwazzjoni bħal din, irid isir studju serju u profond.

    Madankollu, wieħed jista’ jsemmi xi punti bħala indikazzjoni tad-direzzjoni li rridu nimxu fiha biex ngħarblu sew dawn l-istatistiċi:

    1. Il-prezz tal-propjetà fil-Gżejjer Maltin dejjem jogħla u minħabba f’hekk ħafna koppji żgħażagħ qed ikollhom jisselfu somom kbar biex jixtru darhom u hekk jissallbu għal għomorhom. Sew ir-raġel kif ukoll il-mara ikollhom joħorġu jaħdmu u ħafna drabi r-raġel ikollu jaħdem part-time ukoll biex ikunu jistgħu jħallsu l-kontijiet. Dan ifisser li l-koppja ftit ikollha ħin flimkien u meta jiltaqgħu, probabbli li jkunu għajjenin ħafna. Il-problema tikber meta jkollhom it-tfal. Min jikri qed jiffaċċja l-istess problema ta’ minn fejn se jġib il-flus għax il-preżżijiet tal-kirjiet għoljin ħafna wkoll.
    2. Illum daħlu ħafna ideat f’pajjiżna li jimminaw l-istituzzjoni taż-żwieġ. Tiskanta meta tisma’ żgħażagħ jirraġunaw li ż-żwieġ għandu jkun biss xi ħaġa ta’ konvenjenza. Meta tixba’ mis-sieħeb jew sieħba tiegħek, ibdel. Għaliex le? – Donnu r-raġel u l-mara ġibnihom fuq il-livell ta’ karozza. Meta joħroġ mudell ġdid, ibdel il-qadim mal-ġdid!
    3. Ċerti żgħażagħ qed jidħlu għaż-żwieġ mhux ippreparati sew. Fi ftit kliem, ma jkunux jafu għal xiex deħlin, ir-responsabbiltajiet u s-sagrifiċċji li jirrikjedi ż-żwieġ. Hawn koppji li jiżżewġu, imbagħad jippretendu li jibqgħu jgħixu bil-libertà kollha ta’ qabel: ħruġ sfrenat, xalar, safar mal-ħbieb, infieq ta’ flus bl-addoċċ, eċċ.
    4. Ċerti ġenituri jridu jifhmu li meta t-tfal jiżżewġu jridu jħalluhom fil-libertà dwar kif jgħixu mas-sieħeb jew sieħba tagħhom. Sfortunatament, hawn Malta għad għandna ħafna ġenituri li wara ż-żwieġ ta’ uliedhom joħonquhom billi l-ħin kollu jridu jagħtuhom pariri mhux mitluba fuq kif għandhom jgħixu. Jien mhux qed nirreferi għal meta l-ġenituri jagħtu xi parir tajjeb għax jaraw lil uliedhom miżżewġin deħlin f’xi periklu bil-mod kif qed jgħixu. Qed nirreferi għal dawk il-ġenituri fitti li l-ħin kollu jċemplu lil uliedhom miżżewġin u jmorru għandhom u bilkemm ma jridux jiddettawlhom fuq l-edukazzjoni tat-tfal, fuq x’tip ta’ karozza jixtru, eċċ. – Jinsew li uliedhom issa huma miżżewġin u dawn il-ġenituri, bl-aġir tagħhom, ġieli jaqilgħu l-inkwiet bejn il-koppja.

    Semmejt biss xi punti. Il-kwistjoni tal-fallimenti fiż-żwieġ hija waħda kumplessa ħafna. Nittama li l-istituzzjoni taż-żwieġ tissaħħaħ għax il-familja hija l-bażi tas-soċjetà.

    Desmond Zammit Marmarà huwa Kunsillier tal-PL f’Ħal Balzan