Home President ġdid: Opportunitajiet ġodda

    President ġdid: Opportunitajiet ġodda

    4 minuti qari

    Fi ftit inqas minn xahrejn, Marie Louise Coleiro Preca ser tagħlaq il-bieb tal-Palazz tal-President warajha għall-aħħar darba, wara ħames snin ta’ ħidma Kap tal-iStat tagħna.

    Dan ifisser li l-Parlament dalwaqt ser ikun qiegħed jivvota sabiex ikun hemm persuna ġdida li tokkupa dan l-irwol tant importanti.

    Wara l-entużjażmu u l-kariżma li Coleiro Preca tat lil dan l-irwol, l-għażla li l-Parlament ser jieħu mhux ser tkun faċli. Bħall-President, jien ukoll nittama li l-President li jmiss jerġa’ jiġi magħżul b’vot unanimu tal-Kamra. Il-President ma jirrappreżentax biss lill-Gvern, jew lil xi partit jew ieħor – il-President huwa l-personifikazzjoni tal-pajjiż kollu kemm hu, bid-diversità soċjali kollha li tifforma l-karatteristiċi nazzjonali tagħna. Ir-responsabbilità ewlenija tal-President hi l-ewwel u qabel kollox lejn il-poplu.

    Jekk inkunu onesti magħna nfusna, nirrealizzaw li l-għaqda soċjali hi xi ħaġa li bħala poplu għadna ma lħaqniex. Mill-politika għall-festi tar-raħal, mill-futbol għall-qasma bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar tal-pajjiż, irridu nirrikonoxxu li għadna soċjetà tribali ferm.

    L-irwol tal-President huwa limitat fil-poteri legali tiegħu, pero’ jista’ jkun kruċjali biex soċjalment jgħaqqadna. Kemm Coleiro Preca kif ukoll Abela qabilha għamlu l-għalmu tagħhom biex iressquna iktar lejn soċjetà magħquda; dan hu element li għandu jitkompla wkoll mill-President il-ġdid f’April li ġej.

    Bil-ħatra ta’ Coleiro Preca lura fl-2014, il-Parlament bagħat messaġġ ċar li l-Presidenza kellha tiffoka fuq ‘ir-ruħ soċjali’ tal-pajjiż. Qabel il-Presidenza, Coleiro Preca iddedikat ħajjitha għat-tisħiħ tal-welfare state u l-inklużjoni soċjali. Serviet bħala president tal-Grupp ta’ Nisa Soċjalisti, u bdiet il-karriera politika fi żmien fejn il-Partit Laburista kien qiegħed isaħħaħ l-istruttura soċjali li llum-il ġurnata ngawdu minnha aħna lkoll. L-għażla ta’ Coleiro Preca għall-President allura kienet għażla għall-promozzjoni ta’ dak kollu li hi ddedikat xogħlha għalih.

    Issa li wasal iż-żmien li t-torċa tgħaddi f’idejn ġodda, x’għandha tippromwovi l-Presidenza fl-2019?

    M’hemmx dubju f’moħħi li x-xogħol li nbeda fil-qasam tal-inklużjoni u l-integrazzjoni għandu jitkompla. Fl-Ewropa, qiegħdin naraw sinjali inkwetanti tal-qawmien tal-lemin estrem, ir-razziżmu u l-ksenofobija. Dawn niġġilduhom billi jkollna soċjetà informata; kemm bir-riskji tal-migrazzjoni eċċessiva, kif ukoll, pero’, bil-vantaġġi li persuni differenti jġibu magħhom għalina lkoll. Il-promozzjoni attiva tal-integrazzjoni hi waħda mill-oqsma li nittama li l-President il-ġdid ikompli jaħdem fuqha.

    Waqt li l-kontinwità hi importanti, tajjeb ukoll li naraw suġġetti ġodda jieħdu prominenza fid-dibattitu nazzjonali. L-impatt ambjentali li s-suċċess ekonomiku tagħna qed ikollu fuq pajjiżna, per eżempju, jimmerita iktar attenzjoni – l-uffiċċju tal-President huwa forum ideali għal dibattitu li ma jkunx imtebba’ mit-tribaliżmi politiċi.

    Issa ż-żmien li tibda l-ispekulazzjoni dwar min ser ikun il-President tagħna. Ċertezza m’għandu ħadd, iżda x’inhuma l-karatteristiċi ideali li għandu jkollu President?

    Kompetenza u esperjenza soċjali u diplomatika huma bla dubju importanti, iżda daqstant ieħor importanti huma l-empatija u s-sensittività għal Malta li qed tinbidel; Malta li qed tikber bħala stat prominenti Ewropew, u Malta li qed tarrikkixxi ruħha b’diversità soċjali li qatt qabel ma rajna bħalha. Malta li fetħet il-bibien beraħ għal-libertajiet ċivili, u Malta li qed tesperimenta f’teknoloġiji u oqsma industrijali ġodda. Malta, pero’, li tibqa’ wkoll dik il-ġawhra fil-Mediterran b’karatteristiċi uniċi li jsawruha.

    Hi b’dieqa li ser insellmu lil Marie Louise Coleiro Preca f’April li ġej – iżda hu b’entużjażmu li għandna nħarsu ‘l quddiem lejn Presidenza ġdida li tirrifletti Malta u Għawdex tal-2019.