Home X’sar minnhom il-folol tal-Empire Stadium?

    X’sar minnhom il-folol tal-Empire Stadium?

    4 minuti qari

    Int  anzjan u kont tmur tara l-futbol fl-Empire Stadium, il-Gżira? – Mela bħali, jiddispjaċik taqra ċifri uffiċjali tal-Malta Football Association (MFA) li juru li l-attendenza għall-partiti tal-futbol tal-Kampjonat Premier naqsu bi kważi 38,000 fl-aħħar 7 snin. Jaqbdek il-biki taqra li l-attendenza medja għal kull partita fl-ewwel parti tal-Kampjonat Premier dan l-istaġun kienet ta’ 435 spettatur.

    Kif wasalna għal din is-sitwazzjoni fil-futbol Malti? – Hemm ħafna raġunijiet. L-ewwelnett, illum minkejja n-nurseries tal-futbol li issa ilhom joperaw għal numru ta’ snin, ftit għandna plejers ta’ kalibru. Bilkemm għandna ħdax-il plejer ta’ livell meta jilgħab it-tim nazzjonali Malti. Meta ġieli rajt it-tim Malti jilgħab, dejjem għidt bejni u bejn ruħi li numru ta’ plejers lanqas biss kienu jkunu fost is-sostituti fiż-żminijiet imgħoddija.

    Ftit ilu kont qiegħed nara logħba futbol tal-kampjonat Spanjol fuq it-televiżjoni u wara fettilli nara logħba tal-Premier League Malti. Emmnuni titfixkel jekk hux qed tara l-istess tip ta’ logħba tintlagħab! – L-Ispanjoli b’kontroll impekkabbli tal-ballun anke meta jkun ġej mill-bogħod u mill-għoli; jiskurjaw minn angoli li jidhru kważi impossibbli; saves mill-goalkeepers ta’ blalen li jidhru gowls ċerti. Imbagħad ħafna mill-plejers tagħna lanqas huma kapaċi jikkontrollaw ballun ġej ftit mill-bogħod u mill-għoli; jekk jiġu ssikkati ftit, jixxuttjaw ferm bogħod mil-lasti; goalkeepers li jsofru gowls evitabbli; eċċ.

    Propju għalhekk li l-attendenzi naqsu ħafna għax ftit hemm x’jiġbed partitarju lejn l-istadja tagħna. Meta tara n-nuqqas ta’ teknika ta’ ħafna plejers fil-kampjonat lokali, tgħid: “u jien se noqgħod naħli l-ħin nara dik il-medjokrità meta nista’ noqgħod komdu d-dar nara plejers kbar bħal Messi, Ronaldo, Kane, eċċ.,?” – Illum differenti mill-passat u l-partitarji għandhom għażla kbira ta’ logħob fuq it-televiżjoni. Meta ma kienx hawn televiżjoni, li tmur il-grawnd kienet l-unika għażla. U għall-bidu li daħal it-televiżjoni, ftit kien ikun hawn logħob x’tara, speċjalment sa tmiem is-snin sittin. Barra minn hekk, għal ħafna snin kellna biss televiżjonijiet tal-black and white. Għadni niftakar kemm kien diffiċli tiddistingwi l-plejers meta kien ikollok logħba bejn tim bil-flokkijiet ħomor u l-avversarji bil-flokkijiet blu. Fuq l-iskrin black and white kienu jidhru l-istess! – B’hekk, dak li jkun kien jippreferi jmur jara logħba l-Empire Stadium, il-Gżira, anke għax kien hemm plejers ta’ ċerta teknika u kapaċità. Fis-snin sittin, niftakar plejers kbar bħal Freddie Mizzi, Joe Cini, Ronnie Cocks, Eddie Theobold, eċċ.

    Kultant naħseb ukoll li l-grawnd tal-Gżira kien aktar addattat għal Malta minn dak f’Ta’Qali rigward attendenzi. Żgur mhux se nqabbel il-faċilitajiet tal-grawnd ta’ Ta’ Qali ma’ dawk tal-Empire Stadium tal-Gżira. Però, il-grawnd tal-Gżira kien mibni fuq il-mudell Ingliż tal-passat, iktar fiċ-ċokon u fejn tinħoloq aktar atmosfera. Ta’ Qali tħossok mitluf f’dak il-kobor.

    Fl-aħħarnett, ma nistax ma nsemmix il-korruzzjoni. Din il-pjaga tal-futbol Malti tefgħet lura ħafna lil din il-logħba sabiħa. Ftit ilu kont qed nitkellem ma’ dilettant tal-futbol li qalli: “U xi mmur il-grawnd! – Immur meta smajna b’dawk il-każi kollha ta’ korruzzjoni fil-futbol Malti!” Madankollu, jien ma naħsibx li din tista’ tingħata bħala raġuni għaliex naqsu l-attendenzi. Għax il-korruzzjoni fil-futbol Malti mhix xi ħaġa tal-lum biss. Min għandu ċerta età żgur jiftakar il-famuża lagħba fl-hekk imsejħa “Sliema side” tal-Empire Stadium, il-Gżira. Kienu jkunu kollha bin-notebooks iħajru lin-nies jilagħbu l-flus u jniżżlu l-imħatri. U kultant kien jiġi xi plejer taħt din in-naħa tal-grawnd taparsi jaqfel il-lazz, li kien ikun sinjal li mixtri!

    Nawgura li l-futbol Malti jirkupra u li xi darba nerġgħu naraw dawk l-eluf li konna naraw f’tant partiti tal-kampjonati tal-futbol Malti tal-passat. Nagħlaq billi nsemmi każ tal-imgħoddi biex nuri d-differenza bejn dari u llum. Fl-1938, intlagħbet logħba futbol, sempliċi logħba ta’ ħbiberija, fl-Empire Stadium fil-Gżira. Il-logħba kienet bejn it-tim ta’ Sliema Wanderers u t-tim tan-Navy, in-Navy XI, jiġifieri t-tim magħżul tal-baħrin jew “Pick Navy”. Il-logħba kienet bi ħlas u dan fi żmien meta kien hawn faqar kbir fil-pajjiż fi żmien il-kolonjaliżmu. Tafu kemm kienet l-attendenza? – 7,000 għal sempliċi logħba “friendly” fl-Empire Stadium! Fejnhom dawk iż-żminijiet tal-futbol Malti?

    Desmond Zammit Marmarà huwa kunsillier Laburist fuq Ħal-Balzan