Home Impenn soċjali anke fl-intrapriża

    Impenn soċjali anke fl-intrapriża

    3 minuti qari

    Kull parti tal-ekosistema ta’ pajjiżna għandha rwol x’tilgħab fit-tisħiħ tas-soċjetà Maltija. Daqstant ieħor għandhom l-intrapriżi Maltin u Għawdxin.

    Li kumpanija jkollha kuxjenza soċjali, illum saret element li kemm il-konsumatur u anke l-impjegat jikkunsidra fid-deċiżjonijiet tiegħu. B’hekk meta intrapriża turi li għandha r-responsabilità soċjali qed tkun iktar kompetittiva, anke f’suq fejn sar hawn kompetizzjoni anke għall-ħaddiema, għaliex iva l-impjegat jfittex li jaħdem f’kumpaniji li għandhom kultura pożittiva, b’kuxjenza soċjali u li hija miftuħa għad-diversità.

    Qegħdin naraw żieda sostanzjali f’għajnuniet finanzjarji, donazzjonijiet ta’ materjali, u anke xogħol volontarju mill-impjegati għal xi għaqda mhux governattiva f’pajjiżna. Filfatt għandna numru kbir ta’ kumpaniji li qegħdin jsaħħu l-missjoni soċjali tagħhom, però nemmen illi hemm aktar xi jsir f’dan il-qasam sabiex is-sens ta’ responsabilità soċjali tal-kumpaniji privati ssir aktar soda fil-prodotti, servizzi, prattiċi, manifattura u anke l-mod ta’ kif jitwassal il-messaġġ kummerċjali.

    Il-Kummissjoni Ewropea tisħaq illi r-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji hija importanti għas-sostenibbilità, il-kompetizzjoni u l-innovazzjoni tal-intrapriżi u l-ekonomija Ewropea; iżda din hija wkoll essenzjali sabiex flimkien inkunu kapaċi nilqgħu l-isfidi soċjali li għandna f’pajjiżna u fl-Unjoni Ewropea.

    Għaldaqstant, meta tqis li madwar żewġ terżi tal-akbar mitt ekonomija madwar id-dinja huma kumpaniji privati, wieħed għandu jieqaf u jaħseb ftit fuq l-impatt li jista’ jkollu dan is-settur sabiex nindirizzaw l-isfidi soċjali madwar id-dinja.

    Minkejja li ħafna drabi inizjattivi soċjali mill-intrapriżi jiġu organizzati fuq livell lokali jew reġjonali, minħabba n-natura tagħhom li jindirizzaw diffikulta li huma stess ikunu qegħdin jħossu madwarhom, l-UE tista’ tkun ta’ skalun sabiex naraw aktar frott tal-isforzi li qegħdin isiru mis-settur privat f’dan ir-rigward.

    Eżempju ta’ dan huma d-diversi programmi ta’ fondi Ewropej li huma attrezzati biex jindirizzaw sfidi soċjali, li huma wkoll aċċessibbli għall-intrapriżi. F’dawn il-programmi, is-settur privat għandu l-possibilità li jiżviluppa proġetti innovattivi li jindirizzaw il-prijoritajiet tal-UE u jindirizzaw sfidi soċjali tal-għażla tagħhom, f’konformità mal-viżjonijiet kummerċjali tagħhom u l-valuri soċjali li tħaddan il-kumpanija.

    Però l-UE qiegħda taċċenna wkoll ċertu responsabilitajiet f’miżuri bħad-direttiva li ħarġet riċenti dwar bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tal-ġenituri. Direttiva li qajmet xi ftit kontroversja, imma li għandha potenzjal tħalli impatt pożittiv fuq il-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin u fuq is-settur privat.

    Sabiex l-UE tkompli ssaħħaħ il-prinċipji soċjali tagħha, anke fis-settur privat, hemm bżonn ta’ rappreżentazzjoni b’saħħitha ta’ persuni bi prinċipji soċjali sodi. Hemm bżonn ta’ persuni li l-prijorità tagħhom hija dik li jkunu ta’ pilastri sabiex jibqgħu jissaħħu d-drittijiet soċjali. Persuni b’ideat friski u b’soluzzjonijiet innovattivi għall-isfidi li għandna quddiemna bħala pajjiż u bħala Unjoni.

    Nemmen li anke f’dan il-qasam, pajjiżna għandu l-kapaċità li jkun pijunier u ta’ eżempju għal sħabna l-Ewropej.

    Dr Josianne Cutajar hija kandidata tal-Partit Laburista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew