Home Kemm se naqra f’ħajti?

    Kemm se naqra f’ħajti?

    3 minuti qari
    Pj Accetturo, Unsplash

    Ftit ilu qrajt xi mkien li, għall-maġġoranza tan-nies li naqraw b’mod regolari, tul ħajjitna kollha se llaħħqu naqraw biss ftit mijiet ta’ kotba. Forsi, l-iżjed, sa xi elfejn jekk inkunu qarrejja akkaniti. Abbli elfejn, jew anki ftit mijiet, jinstema’ ammont ġmielu, imma meta tqis kemm hawn miljuni ta’ kotba fis-suq, kollha jikkompetu għall-attenzjoni tagħna, tibda tirrealizza li fil-verità huma bil-wisq iktar dawk il-kotba li qatt m’aħna se naqraw.

    Kari Shea, Unsplash

    U bid-distrazzjonijiet diġitali tad-dinja tal-lum, dak l-ammont qed jonqos, mhux jiżdied. Għax fejn qabel konna naqraw il-kotba fil-ħin liberu tagħna, issa naqraw il-bloggs (bħal dan), is-siti online, il-media soċjali, naraw katina sħiħa ta’ films u episodji fuq Netflix. U niċċaċċraw fuq WhatsApp. U għaddejjin …

    U meta tħares lejha b’dak il-mod, tiżdied ir-responsabbiltà fuq kull ktieb li nagħżlu. Għax iż-żmien limitat. U, bid-differenza ta’ pereżempju l-films – film tarah f’sagħtejn, u lest – ktieb jieħu ħafna u ħafna sigħat u jiem, jaf anki ġimgħat, biex naqrawh.

    Ngħid għalija, qabel nibda naqra ktieb ġdid sirt naħseb, “Imma dan tajjeb tajjeb, jew sempliċiment jgħaddi?” Għax naf li l-ħin li se jeħodli, se nitilfu minn xi ktieb ieħor li abbli mhu se nilħaq naqrah qatt.

    Insib ruħi, qabel nagħżel ktieb, infittex waħda fuq goodreads u nqalleb xi reċensjonijiet online. Anki f’nofs ħanut tal-kotba – il-miraklu u s-saħta tal-konnettività 24/7. Ovvjament dan jillimita xi ftit il-“kanen”, imma min-naħa l-oħra jżid ir-riskju li nispiċċaw naqraw biss l-istess erba’ kotba li kulħadd ikun qed jitkellem dwarhom, jew li tal-ħanut jixtieq ibigħilna.

    Biex intaffi xi ftit dawn il-blinkers, u nipprova niskopri anki kotba li altrimenti ma kontx se nkun naf bihom, inħobb:

    (1) nisma’ podcasts dwar il-kotba. Apparti li l-podcasts huma ideali għal ġol-karozza, flok nindannaw fit-traffiku, hemm podcasts eċċezzjonali bħal, pereżempju, A Good Read ta’ BBC Radio 4, fejn f’kull episodju tlieta min-nies jagħtu s-suġġeriment tagħhom ta’ “good read”. It-tlieta jaqraw il-kotba ta’ xulxin u jiddiskutuhom b’mod leġġer – daqqa jaqblu bejniethom, daqqa le.

    (2) insegwi paġni Facebook ta’ nies iħobbu l-qari u li spiss jissuġġerixxi kotba differenti, bħall-paġna Islanders’ Book Club.

    (3) immur fi ħwienet tal-kotba fejn hemm librara jafu u jħobbu xogħolhom, u li spiss iħallu xkafef apposta għal rakkomandazzjonijiet personalizzati li mhumiex biss it-Top 10. Dal-aħħar kont Foyles u hemm skoprejt Kindred ta’ Octavia E. Butler, ġmiel ta’ ktieb dwar mara sewda li ssib ruħha tivvjaġġa lura fiż-żmien u ssib ruħha fi żmien l-iskjavitù.

    Fejn iżjed tfittxu intom, biex tiskopru kotba ġodda lilhinn minn dawk li qed jaqra kulħadd?